Thursday, December 26, 2024

Waħda mill-vittmi tan-nirien f’Dubaj kienet ġejja tgħix Malta

Aqra wkoll

Abinkeng Nicoline, li n-nazzjonalità tagħha hija mill-Kameroon, kienet waħda mis-16-il persuna li mietu traġikament waqt nirien qawwija li ħakmu binja f’Deira f’Dubaj.

Ħuha, Awunglefac, waqt li kien qed jitkellem mal-midja internazzjonali qal li oħtu kienet sfortunata ħafna hekk kif kienet diġà lestiet l-intervisti kollha u kienet fil-proċess biex iġġib id-dokumenti biex tiġi tgħix Malta għal dejjem. Hija kienet se tkun qiegħda taħdem bħala kok f’waħda mil-lukandi li hawn f’pajjiżna. “Iżda x-xorti riedet xi ħaġ’oħra u oħti spiċċat tilfet ħajjitha li magħha mietu wkoll il-ħolm tagħha,” qal Awunglefac.

Nicoline hija l-ħames wild minn għaxar aħwa, fejn hi u żewġ ħutha subien akbar minnhom kienu qegħdin jgħixu Dubai. Awunglefac kien jaħdem bħala waiter f’restorant u minħabba li oħtu kienet taħdem bħala kok kien jiltaqa’ magħha darba fil-ġimgħa u jqattgħu xi ħin flimkien.

“Konna marbutin wisq flimkien. Kienet iċċempilli kuljum biex tara kif jien. Nicoline kienet kuntenta immens li kienet se titlaq minn Dubai biex tmur tgħix Malta u taħdem hemm. Kellha ħafna intervisti ma’ lukandi, u fl-aħħar ġimgħat kienet informata li ntgħażlet u fil-fatt kienet diġà bdiet il-proċess biex iġġib id-dokumenti kollha meħtieġa biex tmur lejn Malta bl-iskop li tibni ħajjitha hemm,” qal Awunglefac.

Hu qal li oħtu kienet marret tgħix f’dik il-binja ftit jiem qabel nhar is-Sibt u kienet qaltlu li dan kien l-aħħar post li se tgħix fih qabel ma titlaq lejn Malta.

“Ftit qabel kont għadni kemm kellimtha… qaltli li kienet għajjiena wara ġurnata xogħol u kienet se tmur torqod. Kienet għajjiena wkoll minħabba saħħet missierna u għalhekk lanqas tant konna qegħdin norqdu,” sostna Awunglefac.

Hu kompla jgħid li minħabba s-sitwazzjoni tagħha u li kienet tkun ħafna għajjiena, Nicoline kellha tibda xogħol filgħodu, iżda kienet tkellmet ma’ ta’ fuqha u talbitu biex taħdem wara nofsinhar minflok filgħodu. “Kieku marret xogħol filgħodu kieku għadha ħajja… u l-ħolma tagħha li tmur tgħix Malta kienet issir realtà,” temm jgħid Awunglefac.

Nicoline marret tgħix Dubai fl-2016 u kienet taħdem f’diversi industriji, però hija dejjem xtaqet li tibda taħdem bħala kok. Kienet is-sena li għaddiet li sabet dan ix-xogħol li skont ħuha kien tant għal qalbha u bl-esperjenza li akkwistat irnexxielha ssib xogħol f’pajjiżna … liema xogħol qatt ma hi se tagħmel minħabba l-mewt traġika tagħha.

Ekonomija

Sport