Saturday, December 21, 2024

Wara 10 snin, film maħdum minn mara jirbaħ il-Festival ta’ Venezja

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-Sibt li għadda ġiet fi tmiemha s-77 edizzjoni tal-Festival ta’ Venezja.  Dan kien l-ewwel festival internazzjonali li ġie organizzat minn kemm ilha li bdiet il-pandemija tal-COVID-19.  F’sena normali, wieħed kien jista’ jgħid li l-edizzjoni ta’ din is-sena kienet diċenti.  Imma meta tqis li sal-aħħar minuti kien hemm dubju kbar jekk dan il-festival hux ser isir jew le, wieħed allura jista’ jgħidu li kien miraklu li l-festival beda, kompla u spiċċa. 

Kif kien antiċipat, il-kumpaniji l-kbar ta’ Hollywood baqgħu d-dar.  L-istess l-atturi famużi.  Għalhekk, l-edizzjoni ta’ din is-sena kienet aktar minn ta snin imgħoddija vetrina fuq iċ-ċinema mondjali u films Amerikani li huma low-budget.  Ħafna atturi li xorta attendew b’rabta mal-films tagħhom, segwew il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa u libbsu l-maskri.  

Għall-isfilata tal-atturi fuq it-tapit l-aħmar ma kien hemm kważi ħadd, ħlief il-fotografi.  

In-nies li attendew fis-swali fejn intwerew il-films kellhom iżommu d-distanza soċjali minbarra li jilbsu l-maskri.  Biex wieħed seta jidħol kellu bilfors ikollu l-biljett tad-dħul.

Din is-sena, l-President tal-ġurija kienet l-attriċi Awstraljana Cate Blanchett, f’sena meta kellha tmien films maħduma minn nisa.

Il-film rebbieħ tal-Iljun tad-Deheb kien il-film drammatiku Amerikan “Nomadland” li fih tidher Frances McDormand.  Hi għandi l-parti ta’ waħda li jisimha Fern.  Meta kumpanija f’parti rurali ta’ Nevada tikkrolla, Fern tippjakka kollox ġo van u tibda l-ħajja fis-soċjetà bħala waħda nomada.

Id-direttur Ċiniża ta’ dan il-film, Chloé Zhao, użat tliedi nomadi vera biex ikunu l-mentors għal Frances McDormand waqt li kienet qegħda taħdem dan il-film.

B’din ir-rebħa ta’ l-Iljun tad-deheb, Chloé Zhao saret l-ewwel mara mill-2010 ’l hawn li rebħet dan l-unur.  Għaxar snin ilu, kienet Sofia Coppola li ttrijonfat bil-film “Somewhere”.  Barra minn hekk, kien ilu 19-il sena ma jkollna mara b’karnaġġjon abjad li tirbaħ dan l-għola unur.  Fl-2001, kienet l-Indjana Mira Nair li ġarret it-trofew bil-film “Monsoon Wedding”.

Ma rridux ninsew li s-sena d-dieħel, id-direttur Chloé Zhao ser tatina wieħed mill-aktar films mistennija.  Dan hu “The Eternals” b’Angelina Jolie u Salma Hayek.

L-unur għall-aħjar attriċi ntrebaħ mill-attriċi Ingliża Vanessa Kirby li tidher fil-melodrama “Pieces of a Woman”.

Il-karattru li tinterprita Vanessa Kirby hu dak ta’ Martha.  Żewġha ikun Sean (Shia LaBeouf).  Martha twelled id-dar imma t-tarbija tmut, bil-majjistra tiġi akkużata kriminalment b’negliġenza.  Imnikta għal dak li għaddiet minnu, Martha tipprova tibda ħajja ġdida ma’ żewġha, ma’ ommha li kienet tiddominha wisq u mal-majjistra li riedet tiffaċċja fil-qorti.

L-unur għall-aħjar attur din is-sena ntrebaħ mit-Taljan Pierfrancesco Favino, il-protagonist f’“Padrenostro”.  Għandu l-parti ta’ Alfonso Noce, li jkun uffiċċjal għoli tal-pulizija li fuqu jsir attenta ta’ qtil li ma jirnexxix minn grupp terrorista Taljan ta’ snin sebgħin. Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Claudio Noce, il-film hu msejjes fuq dak li ġara lil missieru fl-1976.

Il-Ġappuniż Kiyoshi Kurosawa rebaħ l-unur għall-aħjar direzzjoni bil-film “Wife of a Spy”.  Il-film jirrakkonta l-ġrajja ta’ negozjant Ġappuniż li jmur waħdu f’Manchuria, fejn iseħħ att barbaru.  Wara, l-imġiba ta’ dan in-neguzjant tiġi nterpritata ħażin u b’hekk jinħolqu problemi għall-martu.

Kien hemm numru ta’ films oħra li ħallew impressjoni ma’ dawk preżenti.  Pedro Almodóvar qala’ s-soltu tifħir minkejja li din is-sena kien rappreżentat b’short film.  Dan jismu “The Human Voice” ispirat minn play ta’ Jean Cocteau.  Tilda Swinton għandha l-parti ta’ mara titkellem fuq it-telefon mal-maħbub tagħha li abbandunha. 

Film li ħalla mpressjoni hu “The World to Come” tad-direttur Norveġiża li tgħix l-Amerika, Mona Fastvold.  Il-film jirrakkonta l-imħabba passjonanti bejn żewġ nisa miżżewġa f’komunità rurali tad-19-il seklu.

Il-veteran Andrei Konchalovsky din is-sena ikkompeta b’“Dear Comrades!”.  Dan il-film jirrakkonta il-massakru tal-1962 f’Novocherkassk, meta uffiċċjali tal-KGB fetħu n-nar fuq il-ħaddiema tal-fabbriki li kienu qed jiddimostraw.

Ekonomija

Sport