Wednesday, July 24, 2024

Wara 42 sena jsib lil oħtu, Soru tal-Ursolini

Aqra wkoll

Minn Victor Vella

Min jafu lis-Sur Charles Azzopardi, jaf kemm huwa persistenti, determinat u rasu iebsa. Jiġri wara l-ħolm  tiegħu biex iwettqu kollu u ma jkunx kuntent qabel  ma jasal biex jilħaq l-għanijiet u l-aspettazzjonijiet li għandu.  Anki jekk ma jasalx! Anki jekk il-ħolma tkun tidher imbiegħda, jibqa’ jipprova sal-aħħar.   Il-valur tal-persevaranza jispikka fih flimkien mas-sens umli tiegħu.  

Matul ħajjitna ssib bosta bibien li jingħalqu, imma Charles kif ħafna jafuh, jibqa’ jħabbat u jimbotta sakemm il-bieb jinfetaħ.  Charles huwa bniedem ġenwin u tkun taf fejn inti miegħu.  Irnexxielu jiftaħ bieb ieħor.  Kien proprju fl-aħħar jiem li Azzopardi, wara snin ta’ tfittxija wasal biex laħaq ħolma oħra li kellu. Kienet ħolma li min jaf kemm tħasseb dwarha. Kemm inkwieta fuqha u kemm ħallietu fuq ix-xwiek.  Il-pandemija wasslitu biex kompla jsib il-ħin u jagħmel ir-riċerka li kellu bżonn.  Din is-sena kienet ferm diffiċli għalih meta fi Frar li għadda tilef lill-għażiża ommu Polly.  Għal min jafha, kienet persuna li qattgħet ħajjitha kollha fuq siġġu tar-roti, sa minn meta kienet tarbija minħabba l-polio.  Din is-sena kulħadd xtaqha li tgħaddi malajr.  Matul din is-sena Charles kellu bosta tlugħ u nżul.  Għalkemm kienet sena fejn ħallietu mnikket wara t-telfa ta’ ommu, irnexxielha  tikkumpensah bis-sejba t’oħtu Alessandra, Soru tal-Ursolini, fl-20 t’Awwissu li għadda.  Dan wara 42 sena.  Tiltaqa’ ma’ oħtok il-kunvent, fejn taraha għall-ewwel darba u tirrealizza li din demmek.  Emozzjonijiet kbar u sentimenti qliel.  

Fl-aħħar jiem, Inewsmalta tkellmet mas-Sur Azzopardi  eks-Sindku tar-Rabat, Malta, dwar dan l-episodju  f’ħajtu.

‘’Missieri miet fl-2006 u kien dakinhar li sirt naf lil ħuti l-oħra għall-ewwel darba’’.   Dan kien waqt il-funeral u d-difna ta’ missieru.  Minn hemm ‘il quddiem ma’ ħutu l-bniet baqa’ jiltaqa’ u jkollu kuntatt regolari.  Ftit tas-snin wara ħutu  għarrfuh bil-probabilità li x’aktarx kien hemm  oħthom oħra min-naħa ta’ missierhom u li x’aktarx hija soru.  

Charles, ma joqgħodx lura milli jispjega. Ma tistax ma tammirax il-kuraġġ tiegħu u l-kapaċità ta’ kif ifiehem u jitkellem.  

Din hija storja ta’ persuna li tista’ tkun ta’ aspirazzjoni għall-bosta. 

“Missieri miet fis-6 ta’Lulju, jumejn wara għeluq snini. Eżattament erbatax-il sena ilu. Jien dejjem għext m’ommi u lil missieri ftit li xejn kont nafu. Ftit li xejn iltqajt miegħu.’’

Saħaq li l-pandemija tagħtu ċ-ċans biex jisfrutta l-ħin u jfittex aktar u jżid l-impenn tiegħu.  Ried jagħlaq kapitlu waqt li jkompli bl-istorja.  Jeżistu bosta komunitajiet u kongregazzjonijiet fejn jgħixu s-sorijiet.  B’hekk kien diffiċli biex jidentifika l-post fejn hija tgħix. ‘’Ma ngħidlekx kemm emejls u telefonati għamilt.   Minn hawn u minn hemm insir naf li hemm soru li kien kunjomha Galea. Hi kienet residenti fil-kunvent tal-Ursolini f’Tas-Sliema. L-isem propju tagħha kien Josephine.  Ma kontx naf l-isem li hija ħadet meta saret soru.  Illum kulħadd kien jafha bl-isem li ħadet. ‘’

Alessandra

‘’Għażlet l-isem ta’ Alessandra.  Kienu għarrfuni li ommha  kienet mill-Imsida u li jisimha Stella. Skoprejt wkoll li x’aktar din is-soru kienet tgħallem u kienet kap tal-iskola tal-Ursolini f’Ħaż-Żabbar.’’   

“Jien ħajti  inqisha ktieb u storja imprevedibbli l-ħin kollu. Noħodha , pass, pass, kapitlu, kapitlu.  Ma’ missieri ftit li xejn iltqajt. Kelli sittax-il sena meta iltqajt miegħu għall-ewwel darba. Kien ikun f’taxi, Gwardamangia barra l-Isptar San Luqa. Kienet ommi li ħaditni ħdejh.  Dakinhar kont għadni kif lestejt l-ewwel karta tal-eżami tal-Matsec  tax-xjenza, fl-1996.  Bejn karta tal-eżami u oħra jkun hemm erba’ sigħat u fil-frattemp ħaditni niltaqa’ miegħu .  Sirt naf li kellu tliet ibniet, Lina, Carmen u Ġuża.’

“Iċempluli mill-Parroċċa tal-Imsida”

“Ikkuntatjawni mill-Parroċċa tal-Imsida u tawni aktar informazzjoni.  Hawnhekk bdejt nara li l-affarijiet qegħdin jieħdu xejra oħra. Qatt ma ddejjaqt nitkellem dwar ħajti.  Ir-relazzjoni tiegħi ma’ missieri  kienet mill-bogħod.  Dan għamiltu wara li huwa ġie nieqes, biex ma nkunx għalih ta’ skumdità.’’ Ir-rispett jibqa’ għax fuq kollox Leli Scerri huwa missieri. 

‘’Missieri kellu 25 sena u Stella (omm oħti s-soru) kellha 27 sena  meta din twieldet. Josephine għexet ħajjitha kollha fil-kunvent tal-Ursolini.  Tifla ltima, imma maħbuba fejn ma kien jonqosha xejn.  Oħti riedet tagħti lura dik l-imħabba li tawha s-sorijiet waqt it-trobbija tagħha. Meta kienet żgħira, tarbija, kienu ħaduha l-‘creche’. Meta għalqet 18-il sena għamlet perjodu ta’ sentejn  fejn ma setgħetx tibqa’ toqgħod fil-kunvent, iżda aktar tard ħasset il-ġibda li hija wkoll issir soru bħal dawk li rabbewha.   B’vokazzjoni rritornat lura l-kunvent.  Issa bħala Soru biex hija wkoll trabbi ulied ħaddieħor b’imħabba u tenerezza,  bħalma għamlu magħha s-sorijiet li tant ħabbewha.  Dejjem tiftakar fi Sr.Maria, l-ewwel soru li ħadnitha f’idejha hekk kif waslet l-Creche.  Mietet ftit tas-snin ilu u tqisha bħala ommha.  Issa oħti mhux aktar Josephine, Suor Alessandra’’. 

Madwar ħamsin sena

“Daqt tagħlaq 50 sena soru. Qattgħet 68 sena minn ħajjitha  fil-kunvent.  Kieku ma kienx il-kuġin tiegħi minn naħa ta’ missieri, Spiru Scerri, kieku ma kontx insibha.  Kien ta’ għajnuna kbira għalija. Hu kien ċert dwar min kienet ommha, x’kien jisimha u fejn kelli nkompli nistaqsi’’

“Insir naf  li Sr. Alessandra qatt ma kienet iltaqgħet ma’ missieri, qatt ma kienet rat ritratt tiegħu.  F’ħajjitha  qatt ma ratu, qatt ma kienet taf x’jismu, min kien jew x’jagħmel – xejn’’ jispjega Charles.

Emozzjonijiet

‘’ Bejni u bejn oħti hemm 28 sena.   Dan kien Milied speċjali. L-ewwel kartolina mingħandha  u l-ewwel Milied li qattajna flimkien.”

Għalfejn Alessandra?

L-għażla ta’ dan l-isem għandu  sinifikat.  Josephine riedet li tieħu l-isem ta’ Alessandra, għal Alessandro Serenelli l-ġuvnott li qatel lil Santa Maria Goretti(1890-1902). Alessandro,  wara li skonta 27 sena ħabs ikkonverta u għex ħajja ta’ qaddis ġo monasteru. Irnexxielu jkun preżenti anke meta Maria Goretti saret beata u qaddisa mill-Papa Piju XII.   Fatt interessanti ieħor huwa dak li missierna miet proprju fis-6 ta’ Lulju,  l-ġurnata ddedikata lil Santa Marija Goretti.  Mur għidilha lil oħti li missierha kellu jmut fil-ġurnata ddedikata lil din il-qaddisa li hija tant tħobb’’, itemm jgħidilna Charles.

Ekonomija

Sport