Saturday, October 26, 2024

“Wara l-femiċidju f’Tas-Sliema rajna li n-nisa għandhom bżonn dan l-ispazju għat-taħriġ”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Problemi ta’ ibbuljar fl-iskejjel, kif ukoll periklu fit-toroq u fid-djar minħabba vjolenza huma sfidi lokali li jara u jindirizza fil-professjoni tal-arti marzjali tiegħu, Noel Mercieca, 6th Dan Kickboxing li jmexxi “Team Noel”. B’medja ta’ 100 studenti bl-etajiet ta’ bejn l-erba’ snin u s-63 sena, Mercieca qal lil Talk.mt li fost dawk li jmorru għandu biex jitħarrġu l-arti marzjali hemm numru inkwetanti ta’ tfal mifnija bl-ibbuljar li jridu b’xi mod iwaqqfu l-abbuż, kif ukoll tfajliet u nisa vittmi ta’ vjolenza domestika mwerwra bejn l-erba’ ħitan tad-djar tagħhom. Wara l-istupru u l-qtil brutali li seħħ aktar kmieni din is-sena f’Tas-Sliema ta’ Paulina Dembska, Mercieca qalilna li nħass il-bżonn li jsir xi ħaġa biex nisa li jsibu ruħhom f’periklu għal ħajjithom, ikunu jistgħu b’xi mod jiddefendu lilhom infushom. Għal dan il-għan  f’Ottubru li ġej “Team Noel” se jtella’ kors bażiku ta’ sitt sessjonijiet ta’ self defense għan-nisa biss.

Problema u ta’ theddida anke mil-lat soċjali barra dak personali u familjari, hija l-vjolenza domestika. Meta wieħed isegwi kemm fuq il-midja tradizzjonali, kif ukoll fuq il-midja soċjali u dak li jingħad ras imb’ras, din hija realtà li sfortuntament hija komuni ħafna. L-agħar forma ta’ din it-tip ta’ abbuż fuq is-sess femminili hija dik tal-femiċidju fejn fil-bidu ta’ din is-sena biss kellna xejn inqas minn tnejn fi żmien xahrejn. 

“Min jaf kemm għandi aktar u ma nafx bihom…”

Dwar dan lil Mercieca staqsejnih hekk jaħsibx li lokalment għandniex problema serja u jekk fil-professjoni tiegħu jiltaqax ma’ vittmi li jmorru fil-klabb tiegħu proprju biex jitħarrġu ħalli f’każ ta’ bżonn, jiddefendu ħajjithom. Fil-fatt, jirriżulta li lil Mercieca avviċinawh diversi tfajliet u nisa vittmi ta’ vjolenza domestika fejn tant għandu li ġieli jkollu klassijiet b’aktar nisa milli rġiel. 

“sibt lil min ikun irid jiftaħ qalbu imma jkun hemm min ma jridx jew ma jistax”

Noel Mercieca

“Bħalissa għandi bejn 10 u 15-il mara li ġew għalhekk u min jaf kemm għandi aktar u ma nafx bihom. Personalment sibt lil min ikun irid jiftaħ qalbu imma jkun hemm min ma jridx jew ma jistax. Hemm każi li jgħiduli bihom il-ħbieb tagħhom u oħrajn li għandhom il-każ għaddej fil-qorti, inklużi każijiet ta’ abbuż fuq it-tfal li jġibuhom apposta biex jitgħallmu s-self defense. Kien hemm min qalli li kienet miżżewġa u r-raġel kien isawwatha. Qaluli li jiġu apposta għat-taħriġ li nagħti. Fil-fatt kelli studenta li anke ħadtha fuq programm televiżiv għax kienet għaddiet minn vjolenza domestika,” kompla dan il-professjonist fl-arti marzjali.

Huwa qal li llum il-ġurnata din it-tfajla ħarġet mill-abbuż tal-vjolenza domestika u speċifika li persuna ma tmurx titgħallem il-Kickboxing biex taqbad u tagħti lil dak li jkun iżda tmur biex iżżid il-kunfidenza fiha nnfisha ħalli jekk terġa’ tgħaddi minn dik it-trawma, għall-inqas għandha l-fakultà teknika li tiddefendi lilha nnfisha.

“Irridu nżommu f’moħħna s-sitwazzjoni fit-toroq li għandna llum”

Hawnhekk, dan is-sensei 6th Dan li jmexxi tliet klabbs f’Malta, spjega li f’Ottubru li ġej se jorganizza sitt ġimgħat ta’ taħriġ apposta ta’ self defense b’sessjoni fil-ġimgħa għan-nisa biss. F’dawn is-sessjonijiet Mercieca se jikkonċentra speċifikament li jgħallem nisa jiddefendu lilhom infushom minn xi agressur. Din l-idea li tista’ tgħin ħafna lil vittmi potenzjali minn kull tip ta’ vjolenza sia swat, stupri u femiċidji. 

“Irridu nimxu pass pass u nżommu f’moħħna s-sitwazzjoni fit-toroq tagħna. Mhux jiġi xi ħadd u tkun f’periklu. Għallinqas, hekk, persuna li tkun mira ta’ attakk ta’ dan it-tip tista’ tieqaflu,” insista Mercieca. Huwa qal li f’dan il-programm speċjali għan-nisa se jgħallimhom teknika fuq livell bażiku iżda jekk persuna tkompli tiprattika dak li tgħallmet, iżżid aktar il-kunfidenza u l-abbiltà tagħha. 

“Niċċara li titħarreġ ċertu teknika mhux biex tmur issawwat lin-nies hemm barra imma biex jekk tiġi darek mal-ħajt, issalva lilek innifsek,” kompla Mercieca. Żied jgħid li wara dak li ġara f’Tas-Sliema kien hemm ħafna diskussjonijiet u raw li l-arti marzjali hemm bżonnha. “Kieku jien għandi tifel, irid jew ma jridx, almenu jagħmel sena sentejn jitħarreġ fis-self defense. Dan biex almenu jkollu tagħrif bażiku ħalli jekk jiġi fil-bżonn jużah. Jekk ħareġ mid-dar ikun kapaċi jiddefendi lilu nnifsu”.

Sport