Saturday, April 27, 2024

“Wara l-Ħelsien il-Partit Laburista bena qafas b’saħħtu għal għajxien b’dinjità”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ilbieraħ pajjiżna ċċelebra Jum il-Ħelsien, jum li fih infakkru u napprezzaw dak li għamlu missirijietna għalina biex tassew pajjiżna jkun tagħna mingħajr okkupazzjoni ta’ pajjiż ikbar barrani. 43 sena ilu Malta ma baqgħetx bażi militari. Il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, il-Perit Duminku Mintoff, kien xegħel it-torċa u sellem lil Malta ħielsa u l-President Anton Buttigieg, kien talab ħalfa li qatt iżjed ma jkun hawn bażi militari f’artna. Grazzi għall-ħidma ta’ Gvern Laburista wara l-Ħelsien, inbena qafas b’saħħtu, qafas li llum il-ġurnata qegħdin ingawdu l-frott tiegħu b’għajxien b’dinjità għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Il-Ħelsien jirrappreżenta rieda ħielsa u awtonomija, kif ukoll libertà għaċ-ċittadini kollha li bi dritt miksub f’dan il-jum tant importanti, jistgħu jagħżlu kif jgħixu f’pajjiż ħieles immexxi minnhom stess. F’kumment li ta lil Talk.mt, l-osservatur politiku Anthony Agius Decelis, qalilna li l-ħelsien mill-ħakma Ingliża kien pass importanti ħafna fl-Istorja tal-politika ta’ pajjiżna. “Dan fisser tibdil ekonomiku kbir minn dak li tiddependi fuq li mmorru Ingliżi, għal wieħed li kellna rajna f’idejna. Jekk naħdmu, nieklu u jekk ma jirnexxilniex inġibu x-xogħol lejn pajjiżna, inbatu l-ġuħ. Permezz ta’ l-ekonomija b’saħħitha li tenna l-Partit Laburista wara l-Ħelsien, stajna nibnu qafas b’saħħtu ta’ xibka ta’ benefiċċji li jgħinu lil kull Malti u Għawdxi jgħix b’dinjità,” spjega Agius Decelis.

Huwa qal li l-Ħelsien kien pass kbir ‘il quddiem biex bħala Maltin ikollna l-politika internazzjonali f’idejna. Fisser li din hija politika li aħna bnejna fuq in-newtralità u non allinijament. Ħbieb ma’ kulħadd fejn naħdmu għall-paċi fir-reġjun, reġjun li għal snin sħaħ kien iċ-ċentru ta’ gwerer fil-Mediterran u fl-Ewropa.

“Illum ngħożżu dak kollu li għamlu missirijietna u rridu nkomplu nibnu fuq il-ġid kbir li ħallewlna fosthom bħala pajjiż indipendenti u ħieles, newtrali non allinejat u żona li taħdem għall-paċi fir-reġjun u fid-dinja,” ssokkta Anthony Agius Decelis. 

Malta mmexxija mill-Maltin għall-Maltin

Kienu ħafna l-messaġġi fuq il-midja soċjali fir-rigward u għalkemm forsi l-ġenerazzjonijiet iż-żgħar ma jifhmux eżattament is-sinjifikat ta’ dak li Mintoff irnexxielu jikseb, meta fl-1979 keċċa lill-Ingliżi, kieku llum il-ġurnata żgur li joħolmu li pajjiżhom ikun ħieles. Ħelsien li, f’xi pajjiżi huwa dritt mhedded bħal fil-każ tal-Ukrajna bħalissa li tinsab fi gwerra mdemmija minħabba l-invażjoni Russa.

Il-Ministru Owen Bonnici rrikorra għall-midja soċjali biex iffakkar id-diskors tal-ftuħ tal-President ta’ Malta ta’ dak iż-żmien, Anton Buttigieg, li kien, “aħna miġburin hawn illejla biex nifirħu flimkien u niċċelebraw it-tmiem tal-bażi militari Ingliża. Miġburin hawn illejla biex fuq kollox naħilfu li qatt iżjed ma jkun hawn bażi militari f’artna u li Malta tibqa’ għal dejjem Repubblika ħielsa mmexxija mill-Maltin għall-Maltin”.

Bonnici kiteb li dan huwa jum tassew sabiħ u li missirijietna “ħadmu bis-sħiħ” biex Malta hija dak li hija llum. Huwa, li għadu kemm inħatar bħala Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali fil-kabinett il-ġdid ta’ Gvern Laburista, sellem il-memorja tal-Perit Duminku Mintoff li kien huwa li xegħel it-torċa u sellem lil Malta. 

“Dawn kienu mumenti storiċi ta’ emozzjoni kbira, ferħ, ċapċip, murtali u daqq tal-qniepen. Gvern Laburista dejjem ħadem għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu u hekk se nkomplu nagħmlu,” temm b’wegħda l-Ministru Owen Bonnici. 

Sport