Monday, February 2, 2026

WARA L-IPPJANAR

Aqra wkoll

Kien hemm żmien meta l-ippjanar ekonomiku u soċjali kien moda. Fil-pajjiżi komunisti kien isir b’mod tassattiv mill-istat li kien jikkontrolla l-ekonomija kollha. F’pajjiżi tal-punent, l-ippjanar kien isir b’mod hekk imsejjaħ indikattiv: kienu jiġu dikjarati l-għanijiet li jridu jintlaħqu, x’se jkunu l-investimenti tal-gvern u l-inċentivi li se jingħataw lill-privat, u s-“suq” kien jitħalla imbagħad jiddetermina x’se jiġri tabilħaqq. Sadattant, il-kummerċ internazzjonali kien imxekkel b’tariffi qawwija, kwoti u divjeti fuq l-importazzjoni. 

Bil-wasla ta’ Reagan fl-Istati Uniti u Thatcher fir-Renju Unit fost oħrajn – u l-kollass tal-Unjoni Sovjetika – minflok ippjanar, l-għajta kienet biex is-suq isuq. Jintqal li minħabba f’hekk, bil-wasla tal-globalizzazzjoni, l-għajxien ta’ biljuni tjieb, anke bil-kbir. Emmen… temminx… 

Biss, anke jekk l-ippjanar ekonomiku u soċjali mhuwiex isir bħal qabel, qed jerġa’ jikber l-għarfien fil-ħtieġa tiegħu. Il-bnedmin jeħtieġu boxxla li torjenta d-deċiżjonijiet li jieħdu ħalli jintlaħqu ċerti għanijiet essenzjali.

REVOLUZZJONI TAL-IMNUT

Ġieli xi ħadd iqum biex iwissi dwar il-bidliet li qed iseħħu – jew seħħew – fl-oqsma tal-bejgħ u x-xiri bl-imnut f’pajjiżna. Ġeneralment, il-biċċa jqanqluha dawk li jiġu affettwati ħażin mill-bidliet. Bħal fl-oqsma tad-distribuzzjoni u tal-produzzjoni lokali.

Li bidliet bħal dawn kienu se jiġru kellu jkun evidenti għal kull min aktar minn 20 sena ilu kien involut fil-kampanja biex Malta ssir membru tal-Unjoni Ewropea. Dan l-avveniment ċaqlaq bil-kbir il-mod kif titwettaq il-kompetizzjoni kummerċjali f’pajjiżna. Fuq hekk imbagħad, seħħet bidla fl-istrutturi demografiċi, etniċi u kummerċjali. Bl-ebda mod ma konna ppreparati għal dan kollu. Is-settur lokali tal-bejgħ bl-imnut spiċċa dominat minn azjendi Ewropej li jmexxu xiri u tqassim ta’ prodotti fuq territorji kbar. L-ebda azjenda familjari ta’ self-employed (kif konna nsejħulhom) ma setgħet tlaħħaq magħhom.

L-UKRENI TTRADUTI

Anke jekk ma taqbilx mal-pożizzjoni politika u diplomatika tal-Ukrajna tul l-aħħar tletin sena, xorta tista’ tifhem kemm, kif u għaliex l-Ukreni jħossuhom ittraduti. Matul l-aħħar 20 sena, sabu inkoraġġiment taċitu u fil-miftuħ mill-gvern Amerikan u mill-gvernijiet Ewropej biex jirreżistu kull pressjoni territorjali li ssirilhom mir-Russja; u biex jissieħbu fl-Unjoni Ewropea u fin-NATO. Jekk il-“barri” Russu kien se jqis dan kollu bħala bandiera ħamra, dan ma kellux iqanqal tħassib. Amerikani u Ewoprej kienu se jagħtu kull appoġġ lill-Ukreni u r-Russi kienu jikkwietaw.

Illum, l-amministrazzjoni Amerikana nbidlet. Ma tridx aktar lill-Ukrajna fin-NATO jew anke fl-Unjoni Ewropea. Bejn Amerikani u Ewropej, id-diżgwid infirex. Ir-Russi sadattant baqgħu jattakkaw lill-Ukrajna bl-akbar brutalità. It-tmexxija tal-Ukrajna ma tridx iċċedi. Imma dawk li l-aktar ħeġġuha biex tieħu t-triq li ħadet, fil-prattika m’huma qed ikunu tal-ebda fiduċja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport