Saturday, December 14, 2024

Wara sensiela ta’ qtil Biden jieħu azzjoni … l-Istati Uniti b’liġi għall-kontroll tal-armi

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Wara sensiela ta’ inċidenti li fihom persuni fetħu n-nar ta’ xejn b’xejn fuq folol innoċenti jew inkella fi skejjel mimlija tfal u edukaturi, il-President Amerikan Joe Biden fl-aħħar ħa azzjoni konkreta b’liġi li tikkontrolla l-armi fl-Istati Uniti. Fi tmiem il-ġimgħa Biden iffirma l-aktar liġi sinjifikanti li qatt saret f’dawn l-aħħar 30 sena f’dak li huwa deskritt bħala “proċess b’ħeffa” fejn għaddew biss 24 siegħa minn meta l-Kungress Amerikan approva din il-liġi.

Biden indirizza n-nazzjon fejn saħaq li għal liġi bħal din “m’hemmx aktar ħin x’jinħela” għax permezz tagħha “se jkunu salvati n-nies”. Huwa qal li l-inċidenti li seħħu f’Columbine, Sandy Hook, Charleston, Orlando, Las Vegas, Parkland, El Paso, Atalanta, Buffalo, Uvalde u l-isparar li seħħu fit-toroq huma r-raġuni li wassluh jieħu din l-azzjoni. Mal-iffirmar tal-liġi Biden iddikjara li issa fl-Istati Uniti se jkun hemm azzjoni konkreta kontra l-użu tal-armi bl-addoċċ.

Liġi bżonnjuża u urġenti

Din il-liġi, li l-għan tagħha huwa li tikkontrolla l-isparar fuq il-massa li ilhom iseħħu fl-Istati Uniti, saret wara li x-xahar li għadda waħdu kien hemm żewġ każijiet li ħallew għadd ta’ vittmi. 

Is-senat Amerikan beda negozjati bejn għaxar rappreżentanti Repubblikani u Demokratiċi ħalli jagħmlu r-riforma meħtieġa għall-kontroll tal-armi tan-nar u biex jindirizzaw il-vjolenza fil-pajjiż. Din l-inizjattiva ma niżlitx tajjeb mal-partit Repubblikan fosthom mill-mexxej tal-minoranza Kevin McCarthy. Minkejja dan, il-kollega tiegħu fis-senat, Mitch McConnell, laqa’ bi ħġaru din il-liġi l-ġdida u f’reazzjoni għal din l-aħbar qal li, “din il-liġi se twassal biex jonqsu dawn l-inċidenti koroh”.

Il-liġi ġdida fl-Istati Uniti se twassal biex ikun hemm aktar kontrolli dwar perikli u suspetti dwar pussess u użu ta’ armi kif ukoll se jkun hemm skrutinju eħrex fuq iż-żgħażagħ ta’ bejn it-18 u l-21 sena li jkollhom jew ikunu jridu li jkollhom arma tan-nar.

L-inċident ta’ sparar f’Uvalde li ħalla 19-il tifel u tifla mejta, kif ukoll żewġ ħaddiena u l-attakk f’Buffalo li fih mietu 10 persuni u sfaw feruti tlieta oħra, saru t-tnejn li huma minn ġuvnitur ta’ 18-il sena. Il-leġislaturi issa qegħdin jitolbu lill-istati biex ikollhom aċċess għal dokumentazzjoni kriminali, proċess li jista’ jtawwal bi ftit ġranet akkwist ta’ arma tan-nar.

Se tagħmel differenza?

Minkejja li saru dawn il-miżuri ġodda għall-kontroll tal-armi, Fox News sostna li mhuwiex ċar jekk l-aħħar żewġ każijiet ta’ sparar fuq il-massa setgħux jiġu evitati. Dan minħabba li ż-żewġ ġuvintur inkwistjoni xtraw b’mod legali r-rifles AR-15 u dan minkejja li hemm diġà hemm liġijiet eżistenti li jitolbu li tinġibed attenzjoni f’każijiet suspettużi.

Il-liġi l-ġdida li tinvolvi aċċess għal dokumentazzjoni kriminali ta’ persuni taħt l-età forsi kienet tgħin fil-każ ta’ Payton Gendron, il-persuna li beda jispara fuq in-nies f’Buffalo. Dan minħabba li kieku kien hemm aċċess għall-istorja tiegħu, l-awtoritajiet kienu jsiru jafu minn qabel li Gendron kellu problemi ta’ saħħa mentali. 

L-istess liġi ffirmata minn Biden se tagħti fondi għall-programmi ta’ għajnuna fis-saħħa mentali taż-żgħażagħ.

Min-naħa tiegħu Biden stqarr li l-liġi ma tkoprix dak kollu li xtaq iżda wiegħed li se jkompli jistinka “għax għad hemm ħafna xogħol xi jsir fir-rigward”. Fi tmiem l-indirizz tiegħu lin-nazzjon huwa qalilhom li, “f’dan il-jum daqstant importanti jien inwegħedkom li qatt ma jien se naqta’ qalbi li naslu fejn hemm bżonn”.

Ekonomija

Sport