Il-katavru ta’ Lassana Cisse Souleymane se jintbagħat lura lejn pajjiżu fil-Kosta tal-Avorju.
Lassana, immigrant li nqatel fis-6 ta’ April tal-2019 fl-età ta’ 42 sena, kien missier ta’ żewġt itfal. Huwa nqatel waqt li kien miexi għall-affari tiegħu fit-triq fil-limiti ta’ Birżebbuġa.
Ftit tal-ġimgħat ilu, numru ta’ organizzazzjonijiet inġabru quddiem il-Qorti fil-Belt Valletta — propju f’jum it-tielet anniversarju mill-mewt ta’ Lassana, u fid-diskors tagħhom, qalu li dan kien attakk terrorista li kellu l-għan li jġib it-terrur fostna.
“Iż-żewġ suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta li allegatament sparaw fuq Lassana, x’aktarx għamlu hekk għax ħasbu li se jeħilsuha ħafif, mingħajr ma jkun hemm konsegwenzi. Dan l-aġir kien aġevolat mir-retorika politika li tagħti l-impressjoni li l-barranin jistgħu jiġu trattati bħala nies inferjuri,” sostnew dawk l-individwi li nġabru quddiem il-Qorti.