Sunday, May 5, 2024

“Wara tliet snin weqfin tista’ taħseb kemm ninsabu ħerqana għal dan l-avveniment”

Kunċert mill-Banda tal-Korp tal-Pulizija fl-okkażjoni tal-100 sena mit-twaqqif tagħha

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ilu jmexxi l-Banda tal-Korp tal-Pulizija għal dawn l-aħħar 37 sena. Fil-bidu ta’ din is-sena rtira biż-żmien mill-kariga li kien jokkupa, dik ta’ Assistent Kummissarju u ħareġ bil-pensjoni. Madankollu xorta waħda għażel li jibqa’ jservi fil-Korp bħala Kuntistabbli ta’ Riserva u reġa’ ngħata f’idejh it-tmexxija tal-Banda tal-Korp li hija tant għal qalbu.

Talk.mt tkellem mal-Maestro Anthony Cassar dwar il-ħidma tiegħu bħala Direttur tal-Banda u anke b’rabta mal-kunċert vokali u strumentali ta’ Mużika Sagra li l-Banda tal-Korp se tkun qiegħda ttella’ fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, nhar it-Tlieta 25 ta’ April li ġej, fis-7.30 p.m.

Dan il-kunċert se jsir fl-okkażjoni tal-100 sena anniversarju mit-twaqqif tal-Banda tal-Pulizija, bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u l-Fondazzjoni tal-Kon-Katridral ta’ San Ġwann.

Huwa beda biex qal li fl-2020, il-Banda tal-Korp għalqet 100 sena mit-twaqqif tagħha, iżda dan l-avveniment partikolari ma setax jiġi ċċelebrat minħabba l-pandemija fejn għamlu sentejn ma jdoqqux u wara l-pandamija saru diversi tibdiliet anke fil-kompożizzjoni tal-Banda. “Daħħalna diversi mużiċisti oħra u issa l-Banda minn issa ‘l quddiem u se tkun telgħet tarġa oħra.”

Il-Maestro Cassar kompla jgħid li wara tliet snin weqfin “tista’ taħseb kemm ninsabu ħerqana għal dan l-avveniment.” Huwa semma wkoll kif fis-snin ta’ qabel il-pandemija, ittellgħu diversi kunċerti kbar li għalihom attendew ħafna nies u li magħhom ipparteċipaw diversi kantanti ta’ ċertu stoffa fosthom it-tenur Malti ta’ fama internazzjonali Joseph Calleja u l-Winter Moods.

Qalilna wkoll li fil-kunċert tal-25 t’April se jieħdu sehem is-Sopran Ruth Sammut Castingena, it-Tenur Charles Vincenti, il-Vjolinista Mario Ciantar, iċ-Ċellista Kristina Dimic, l-Arpista Dr Lydia Buttigieg, u l-Organista Dr Chris Rolè, flimkien mal-Kor Cappella Musicale Ceciliana. Il-kunċert se jitmexxa mis-Sur Joe Dimech.

Is-Sur Cassar temm jgħid li d-dħul għal dan il-kunċert huwa b’donazzjoni ta’ €12 b’riżq id-Dar tal-Providenza.

Bookings minn fuq is-sit elettroniku https://www.showshappening.com/The-Malta-PoliceForce/Christus-Resuscitatus-Vivicat

Sport