Saturday, November 23, 2024

Wara x-xokk – qawmien ġdid

Aqra wkoll

Biex niġġieldu l-pandemija tal-coronavirus kellna kważi nagħlqu l-kummerċ kollu u naqtgħu ħafna affarijiet oħra.  F’kelma oħra kellna nibdlu l-ħajja tagħna f’salt.  Filwaqt li min-naħa tal-kummerċ kellna kważi nwaqqfu kollox, min-naħa tal-individwi u l-familji kellna nibdlu l-ħajja peress li din ma stajniex inwaqqfuha.  Il-familji, minkejja d-diffikultajiet, ħolqu ħajja ġdida li taqbel mal-karattru tagħhom.  Issa kif irnexxielna negħlbu l-mewġa, minkejja li l-virus għadu fostna, qed nerġgħu nqajmu l-ekonomija billi nerġgħu niftħu n-negozji.  

Bl-għajnuna li kien hemm min-naħa tal-Gvern, il-maggoranza kbira tan-negozji salvaw mhux biss huma iżda wkoll il-maggoranza tal-impiegi.  Biss, biex l-ekonomija terġa’ tibda tagħtina l-ġid, in-nies iridu jerġgħu jibdew jużaw il-prodotti u servizzi li l-ekonomija kapaċi toħloq.  Din mhix xi ħaġa faċli minħabba tlett affarijiet.  L-ewwel in-nies iridu jerġgħu jibdlu l-ħajja li sa fl-aħħar kienu kważi draw dawn l-aħħar xhur.  Biex jagħmlu dan, iridu xi ħaġa li ċċaqlaqhom lura biex jibdlu l-ħajja tagħhom lura għan-normal ġdid.  It-tieni ħaġa li jkollhom bżonn serħan tal-moħħ li mhux ser ikunu fil-periklu.  Din tintlaħaq billi nibdlu ftit kif konna nagħmlu l-affarijiet – per eżempju nilbsu l-maskri meta nkunu ser nidħlu ġo ħanut.  Biss dan xorta mhux biżżejjed.  Ħa nieħdu l-ikel.  Qabel minħabba li s-sitwazzjoni ekonomika kienet tajba, kellek ħafna nies li ma kienux isajru ħafna ikel għaliex kienu sabuha tajba li jmorru jieħdu xi ħaġa mingħand xi restaurant.  Biss issa minħabba l-ħajja li kellna naddottaw, kienu reġgħu draw isajru speċjalment nhar ta’ Ħadd.  Biex jerġgħu jidraw jibdew jieklu barra jridu xi ħaġa biex tressaqhom lura biex jerġgħu jmorru għand xi restaurant.  

Din narawha minn settur li issa ilu ftit li reġa’ fetaħ, biss ir-rota għadha xorta qed iddur bil-mod.  Eżempju huma l-ħwienet tal-ħwejjeġ.  M’għadekx tara dak l-ammont ta’ nies deħlin u ħerġin minn ħanut biex jidħlu f’ieħor biex jaraw x’għandu.  Personalment nemmen li dan ġara, l-ewwel għaliex irridu  nerġgħu nibdlu l-ħajja.  Din mhix faċli peress li issa kważi kulħadd kien sab x’jagħmel id-dar.  Barra minhekk ma tantx kien hemm xi ħaġa li ċċaqlaqhom lura.  Ċert li kieku dawn kollha bdew b’xi sale, żgur li l-konsumaturi kienu jiċċaqalqu.  Biss sfortunatament ftit li xejn kien hemm sales u dan wasal biex ir-rota f’dan is-settur għadha ddur bil-mod.

Hu minħabba f’hekk, li l-inċentivi li ħabbar il-Gvern nhar it-Tnejn li għaddew kienu meħtieġa.  Dan għaliex inkella r-rota ekonomika qed iddur bil-mod.  Jekk wieħed jarahom sew, dawn l-inċentivi ma ngħatawx bl-addoċċ.  Wara dawn l-inċentivi hemm pjan bi ħsieb.  L-ewwel ħaġa li kellu dan il-pjan kien li ha s-sitwazzjoni kif kienet waslet bl-inċentivi li kien diġa’ ta biex isalva l-industrija u l-impiegi.  Hu dan li jagħmel dan il-pjan effettiv.  Li kieku dawn l-inizjattivi ngħataw bl-addoċċ ma tantx kien ikollhom effett.  

Il-pjan hu mmirat biex l-ewwel inaqqas l-ispejjeż tan-negozji għal perjodu ta’ żmien biex in-negozji meta jerġgħu jibdew joperaw mhux jibdew jirċievu l-kontijiet qabel ma jibdew idaħħlu flus biżżejjed biex ikollhom dħul li jlaħħaq ma’ dawn il-kontijiet barra l-pagi.  Dan mhux biss ser jagħti kuraġġ lin-negozji li jerġgħu jiftħu b’ħeġġa, imma wkoll iġib serħan il-moħħ lill-ħaddiema.  

Irridu niftakru li l-ekonomija hi ċirku kontinwu.  In-negozji barra li jippovdu l-prodotti u servizzi jipprovdu wkoll dħul lill-ħaddiema.  Hu dan id-dħul li jintuża mill-ħaddiema bħala konsumaturi li jixtru dawn il-prodotti u servizzi u jerġgħu jipprovdu flus lin-negozji biex ikomplu joperaw.  Imma biex il-konsumatur jonfoq irid ikollu serħan tal-moħħ li fil-futur ser ikollu dħul tajjeb.

Dan il-pjan hu bbażat ukoll fuq l-inċentivi li kienu diġa’ ngħataw biex iżommu l-impiegi.  Wieħed mill-akbar xokkijiet li ħadu ħafna min-nies bil-miżuri li ttieħdu biex jassiguraw is-saħħa tan-nies kien l-inċertezza ta’ dħul fil-futur.  Din ħolqot inċertezza u kien għalhekk li n-nies l-ewwel prijorita’ li kellhom kien li jġemmgħu kemm jistgħu flus għal li jista’ jinqala’ u biex jassiguraw ħajja mingħajr tbatija lill-familji tagħhom.  Karatteristika ta’ inċertezza hi li din tidħol f’daqqa waħda, imma mbagħad mhux biss trid żmien biex tonqos u tmur iżda wkoll inkoraġġiment.

U dan kien għan ieħor ta’ dan il-pjan – li jerġa’ jħajjar in-nies li jonfqu u dan minnu nnifsu jnaqqas l-inċertezza.  Kien għalhekk li dan il-pjan ser jagħti vouchers lil kull individwu.  

L-ewwel ktibt li dawn l-inċentivi ngħataw bi ħsieb.  Jekk hemm eżempju ċar tal-ħsieb wara dan il-pjan kienu l-vouchers.  Li kieku dawn il-vouchers ingħataw mingħajr kundizzjonijiet, kieku l-effett tagħhom kien ikun miżeru anki li kieku l-ammont kien akbar.  

Il-ħsieb ta’ wara dawn il-vouchers barra li kien li jnaqqas l-inċertezza tal-konsumaturi u għalhekk jerġgħu jiċċarġjaw l-ekonomija, il-ħsieb kien li nerġgħu nqajmu l-aktar settur importanti tal-ekonomija tagħna – it-turiżmu.  Tajjeb li niftakru li t-turiżmu hu dak is-settur li fuqu tiddependi madwar terz tal-ekonomija tagħna li jfisser li dan jiġġenera terz mill-ġid.

Hu għalhekk li l-maġġoranza tal-vouchers li ser jingħataw mill-Gvern iridu jintefqu f’dan is-settur.  Iżda dan ma kienx biżżejjed għaliex dawn il-vouchers iridu jintefqu fl-ewwel xhur li ġejjin biex iqajmu din l-industrija u tkun ippreparata biex tkun tista’ tkopri meta t-turiżmu minn barra jerġa’ jaqbad sew.  

Li nittama hu li din l-industrija ma tagħmilx bħal ma għamlu ħafna mis-setturi l-oħra li diġa’ fetħu – jistennew li l-bajtra taqa’ f’ħalqhom iżda li huma wkoll joħolqu inċentivi biex jattiraw lin-nies biex dawn jonfqu dawn il-vouchers għandhom.  Jekk inkun hawn l-inċentivi, il-konsumaturi mhux biss jonfqu dawn il-vouchers iżda jkunu lesti li jonfqu aktar.  

Hu għalhekk li ż-żewġ ministri li qed jieħdu ħsieb l-ekonomija tagħna, il-Profs Scicluna u Silvio Schembri, ħaqqhom prosit għax b’dan il-pjan li fasslu mhux biss qed jaraw li terġa’ tqum l-ekonomija iżda li din tkompli tiżviluppa biex fil-futur tkompli żżid il-ġid.  

Sport