Is-sewwieq Malti Warren Sciberras qed jingħaqad mas-sewwieq Ingliż Max Hart fuq il-grid għall-British Endurance Championship 2023.
T4 Motorsport min-naħa tagħhom esprimew is-sodisfazzjon tagħhom li se jkunu qegħdin jilqgħu lura żewġ sewwieqa li ħadmu magħhom is-sena li għaddiet. Huma qalu li ċertament Max Hart jeħtieġ ftit introduzzjoni u huwa magħruf sew għas-suċċess tiegħu fil-karozzi TCR.

Max jingħaqad ma’ Warren Sciberras, sewwieq tat-tlielaq Malti, li ngħaqad magħhom għal xi tlielaq is-sena l-oħra u wera ħila kbira fi ftit li xejn ħin fil-karozza. Enemed emmnet fil-ħila tiegħu u għoġobha tisponsorjah. Il-kumpanija saħansitra appoġġjat lis-sewwieq Malti biex jikkompeti din is-sena fil-British Endurance Championship.
Is-sid tat-tim, Mark Havers, qal li li jkollok ir-ritorn ta’ Max huwa dejjem ta’ pjaċir – l-enerġija li jġib hija infettiva u l-potenzjal tiegħu huwa bla dubju. Rigward il-Malti, huwa qal li dan ġie ttestjat is-sena l-oħra fit-Touring Club Races u għamel avvanzi kbar f’qasir żmien.

“Grazzi għall-appoġġ mill-Enemed, dan seta’ jerġa’ jingħaqad ma’ Max u bihom flimkien ninsabu fiduċjużi li nistgħu niksbu riżultati mill-aqwa għal T4 Motorsport”, żied jgħid Havers.
It-tim se jkun qed jikkompeti fit-tellieqa ta’ tliet sigħat tal-British Endurance Championship ta’ Silverstone nhar is-Sibt 25 ta’ Ġunju.