Saturday, February 28, 2026

“Wasal iż-żmien fejn destin artna jinkiteb u nibdew ngħixuh fl-aqwa tiegħu minnha u minn uliedna” – Il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

Fi Pjazza Tritoni, il-Prim Ministru Robert Abela nieda uffiċjalment il-Viżjoni Malta 2050. Il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva din il-Viżjoni bħala wegħda ta’ poplu sħiħ. Qal, “Wegħda biex nagħmlu l-almu tagħna sabiex inkunu l-aħjar li nistgħu nkunu.” Huwa saħaq li l-Viżjoni Malta 2050 hija mfassla minna lkoll u se tkompli tinżamm ħajja ħalli tibqa’ rilevanti matul is-snin.

“Wasal iż-żmien ta’ twettiq ġdid – il-quċċata ta’ żminijietna li fiha niltaqgħu mal-aqwa verżjoni tagħna nfusna. Wasal iż-żmien fejn destin artna jinkiteb u nibdew ngħixuh fl-aqwa tiegħu, minnha u minn uliedna,” qal il-Prim Ministru Robert Abela.

Dr Abela tenna kif dan il-pjan għal 24 sena li ġejjin huwa frott ta’ studji, analiżi u esperjenzi lokali u internazzjonali, biex l-isfidi tal-futur naqilbuhom fil-pedament tat-tkomplija tas-suċċess ta’ pajjiżna. Huwa saħaq li d-dinja qed tinbidel b’pass mgħaġġel, għaldaqstant ma nistgħux nibqgħu nippjanaw fuq bażi ta’ ħames snin, jiġifieri sa ċiklu politiku wieħed. Jeħtieġ imma li jsir pjan komprensiv, u l-Viżjoni Malta 2050 hija propju l-ewwel pjan komprensiv li għandu pajjiżna.

Huwa nnota kif bħala pajjiż diġà wettaqna mirakli kbar, hekk kif iddeskriva lil pajjiżna bħala mutur ekonomiku fost l-aqwa ekonomiji tal-Ewropa, mimli opportunitajiet. Il-Prim Ministru żied jgħid li għax aħna pajjiż ta’ suċċess, nistgħu naqbżu għal-livell li jmiss. Issa wasal iż-żmien ta’ twettiq ġdid. “Wara li qajjimna l-ekonomija issa rridu li aħna lkoll flimkien nidħlu f’kapitlu ġdid fl-istorja ta’ dan il-pajjiż tant għal qalbna,” qal il-Prim Ministru Robert Abela.

Il-Viżjoni Malta 2050 hija msejsa fuq missjoni waħda, 4 pilastri, 3 miri u 100 miżura. Il-missjoni ewlenija hija dik li “Noħolqu nazzjon sikur u reżiljenti, ispirat mill-wirt tiegħu u mmexxi mill-progress, li jippromwovi kwalità ta’ ħajja sana għal kulħadd.”

Din l-istess missjoni hija msejsa fuq 4 pilastri. Bl-ewwel pilastru jdur mat-tkabbir sostenibbli; it-tieni ma’ kif is-servizzi pubbliċi tagħna se jkunu aktar aċċessibbli; it-tielet, dwar kif ser nagħmlu lil pajjiżna aktar reżiljenti u b’edukazzjoni dejjem aktar moderna u l-aħħar pilastru jittratta l-użu aktar intelliġenti tal-art u l-baħar li jdawwarna.

Il-Prim Ministru qal li l-qafas tal-Viżjoni Malta 2050 huwa l-mod ta’ kif jitkejjel is-suċċess tal-pajjiż, li issa mhux ser jibqa’ bbażat biss fuq kemm noħolqu ġid imma kif miżura tħalli effett fuq il-ħajja tan-nies. Dan se jintlaħaq billi jiġu mkejla 3 indikaturi ewlenin ġodda.

L-ewwel indikatur huwa l-Human Development Index tal-Nazzjonijiet Magħquda, li jinkludi fatturi bħall-edukazzjoni, is-saħħa u t-tul tal-ħajja. Malta bħalissa tinsab fl-24 post globalment f’dan l-indiċi. Qed nimmiraw li nitilgħu fost l-ewwel 20 pajjiż sal-2035 u fost l-ewwel 10 pajjiżi fid-dinja sal-2050.

It-tieni indikatur jiffoka fuq kemm verament jibqa’ flus fil-bwiet tan-nies, dak li nsejħulu l-EU Median Disposable Income Index. Sal-2035 irridu nħabbtuha mal-Franċiżi, u nibqgħu telgħin ’il fuq sakemm sal-2050 nilħqu wkoll lill-Finlandiżi, li llum jinsabu mal-ewwel 7 fl-Ewropa.

It-tielet huwa l-indiċi tal-Unjoni Ewropea li jkejjel il-benesseri ġenerali tan-nies, inkluż il-kuntentizza tagħhom, is-saħħa mentali u kif iħossuhom dwar il-kwalità tal-ħajja ta’ kuljum tagħhom, jiġifieri l-overall experience of life. Malta bħalissa tinsab fid-9 post fl-Unjoni Ewropea f’dan l-indikatur, u l-mira hija li nitilgħu mal-ewwel 8 sal-2035 u fost l-ewwel 5 sal-2050.

Huwa rrimarka kif minkejja li dan huwa pjan li sa jwassalna sal-2050, iħaddan fih ukoll miri intermedjarji li se jkun l-ewwel test biex din il-viżjoni tissarraf f’inizjattivi u miżuri tanġibbli favur il-familji. Mitt miżura u li 6 minnhom huma meqjusa bħala ċentrali – flagship projects.

Dawn huma:

  1. Sistema ta’ trasport dejjem aktar effiċjenti
  2. Tisħiħ fil-qasam tas-saħħa
  3. Edukazzjoni u ħiliet għall-futur
  4. Enerġija nadifa, azzjoni klimatika u trasformazzjoni ambjentali
  5. Malta li tħaddar, b’numru ta’ parks nazzjonali
  6. Riġenerazzjoni fil-portijiet tagħna

It-twettiq ta’ dawn il-miżuriser jiġi mkejjel permezz tas-sit maltavision.mt.

“Il-Viżjoni Malta 2050 mhijiex biss pjan. Hija mod ġdid kif ngħixu. Fejn l-iżvilupp ikun bilanċjat. Fejn kulħadd jikseb l-aspirazzjonijiet tiegħu. Fejn ikollna pajjiż ferm aħjar minn dak li sibna. Flimkien, nistgħu nibnu l-aqwa Malta,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.

Fit-tnedija tkellem ukoll il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri. Huwa qal li l-Viżjoni Malta 2050 mhijiex biss dwar tkabbir, iżda dwar tkabbir ta’ kwalità. “Illum ninsabu f’pożizzjoni b’saħħitha biżżejjed biex niffukaw it-triq ’il quddiem għal pajjiżna. Din hija l-għażla kuraġġuża tagħna, li nipproteġu l-kwalità tal-ħajja ta’ għada billi ninvestu fl-eċċellenza llum. Il-futur ma jitfassalx waħdu iżda jinbena deċiżjoni b’deċiżjoni, u għalhekk, għall-ġid ta’ wliedna, aħna għażilna li l-futur nibnuh aħna,” sostna l-Ministru Schembri.

It-tnedija tal-Viżjoni Malta 2050 kienet akkumpanjata minn manifestazzjoni li fiha numru ta’ Maltin ta’ suċċess minn Haley Bugeja u Neil Agius għal Ira Losco u magħhom tfal u żgħażagħ oħra għamlu wegħdiet simboliċi f’isem il-bqija ta’ pajjiżna. Fosthom dawk tar-reżiljenza u d-determinazzjoni u li wieħed jemmen fih innifsu. Prinċipji li ser iwasslu sabiex pajjiżna jwettaq dan il-pjan għall-2050.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport