Saturday, December 28, 2024

“Wasal iż-żmien għal alternanza bejn mara u raġel għall-post ta’ President tar-Repubblika”

Aqra wkoll

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat f’reazzjoni għall-ħafna kummenti b’rabta mal-mekkaniżmu favur aktar ugwaljanza bejn is-sessi qal li l-progress ma jiġix waħdu. Muscat qal li jemmen li issa wasal iż-żmien għal aktar sinjali.  “Eżempju ċar f’moħħi huwa li għandu jibda jkollna alternanza bejn mara u raġel għall-post ta’ President tar-Repubblika.  Mhux tiġi appuntata mara kull 30 sena bħala simbolu. Ikun rekord ġdid u ta’ kburija għall-Partit Laburista u għall-Moviment”, iddikjara Muscat.

F’kitba li għamel fl-aħħar ħin huwa fakkar li meta beda jimmilita fil-Partit Laburista, f’kull Jum il-Mara kien ikollok ħafna lmenti dwar in-nuqqas ta’ rappreżentanza femminili. “L-argument, aktarx minn Renee Laivera, li hemm bżonn mekkaniżmu korrettiv biex inċaqilqu l-affarijiet kien ikollu r-reazzjoni tan-naħa l-oħra, in-naħa l-oħra kien jissemma’ l-argument, illi li hemm bżonn huwa edukazzjoni u li Agatha Barbara, Marie Louis Coleiro Preca, Helena Dalli u oħrajn ma kellhomx bżonn kwoti”, kompla Muscat. 

Muscat spjega li Alfred Sant kien ipprova jbiddel dan kollu iżda l-Gvern li mexxa ma damx biżżejjed. Din kienet riforma, flimkien mad-divorzju, li kien poġġa fuq l-agenda f’nofs id-disgħinijiet.

Muscat irrefera għad-diżappunt li kellu fl-elezzjoni tal-2013 minħabba ammont żgħir wisq ta’ nisa eletti fil-parlament. “Kont riżolut li ndaħħlu l-proposta tal-mekkaniżmu korrettiv. Nista’ ngħid li ftit jew kważi xejn ma kelli appoġġ għaliha. Iltqajt ma’ prattikament il-membri kollha biex nikkonvinċi. Il-qbil instab fuq żewġ prinċipji. L-ewwel nett li ħadd m’għandu jbiddel l-għażla tal-poplu iżda li l-mekkaniżmu jżid u mhux ibiddel din l-għażla. It-tieni punt kien li ma kinitx kwota tan-nisa, iżda mekkaniżmu korrettiv li jgħodd għal kull ġeneru”, tenna Muscat.

Huwa ma naqasx milli jsemmi lil Helena Dalli, Julia Farrugia Portelli, Miriam Dalli u Rosianne Cutajar mil-lat politiku. Lil Jonathan Attard u Austin Bencini mil-lat legali. U fuq kollox Carmen Sammut għall-kontribut tagħhom sabiex jiddaħħal dan il-mekkaniżmu.

Fil-Parlament Malti issa għandna 23 mara, jiġifieri 29% tal-Membri Parlamentari.  Dan ifisser li wasalna kemm kemm inqas mill-‘critical mass’ meħtieġa (33%) għal rappreżentanza aktar effettiva u pass sinifikanti eqreb lejn rappreżentanza ekwa ta’ 40%.  Ifisser ukoll qabża kbira ‘l quddiem minn dak li rajna jseħħ fuq medda ta’ 75 sena, fejn kollox kien baqa staġnat bejn 10-14%.

“Mingħajr il-mekkaniżmu, konna nagħmlu progress minimu (madwar 16%) u dan minkejja li din id-darba telgħu bosta kandidati ġodda minflok nisa stabbiliti li ma ħarġux. U konna nerġgħu nibdew bis-seminars”, temm jgħid Muscat.

Ekonomija

Sport