Sunday, November 24, 2024

“Wasal iż-żmien li dawn l-istrip clubs u l-gentlemen’s clubs jiġu rregolati b’liġi”

Il-Qorti tal-Appell Kriminali

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Wasal iż-żmien li dawn l-istabbilimenti ta’ divertiment bħall-istrip club u l-gentlemen’s club jiġu rregolati f’leġiżlazzjoni. Fil-preżent għad m’għandniex leġiżlazzjoni li tirregola l-istrip clubs u l-gentlemen’s clubs. Din il-Qorti hi tal-fehma li din il-lakuna fil-liġi għandha tiġi riżolta u għandhom jiġu promulgati liġijiet appożiti sabiex jirregolaw dan is-settur mill-aktar fis“. Il-Qorti qalet li kien tħejja pjan ta’ konsultazzjoni bil-għan li ssir liġi li tirregola dan, imma qatt ma mmaterjalizzaw regolamenti. Il-Qorti tal-Appell Kriminali, iddikjarat li qiegħda wkoll tordna li kopja ta’ din is-sentenza tiġi komunikata lill-Ministru tal-Ġustizzja Dr. Jonathon Attard bil-għan li jara jekk hemmx lok li tiġi mfassla liġi biex tirregola ‘l hekk imsejħin ‘gentlemen’s clubs’, partikolarment il-ġestjoni ta’ dawn il-ħwienet u l-limiti li għandhom jiġu imposti għall-atti li jsiru fihom. 

Il-Qorti tal-Appell Kriminali għamlet din id-dikjarazzjoni f’sentenza li tat fil-konfront ta’ tliet persuni li kienu akkużati, fost l-oħrajn li għexu minn fuq il-prostituzzjoni ta’ persuni barranin, u li ssekwestraw persuna kontra l-volontà tagħha u dan biex tagħmel xi ħaġa li toffendi l-mistiħija tas-sess tagħha. 

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li sfortunatament għalkemm l-Eżekuttiv ħejja pjan ta’ konsultazzjoni bil-għan li tiġi promulgata liġi li tirregola l-attività tal-Gentlemen’s Clubs u l-Lap Dancing, madanakollu qatt ma mmaterjalizzaw regolamenti li jistgħu jimxu magħhom il-qrati meta spiss l-id tal-ġustizzja tipprova tirregola x-xogħol li jagħmlu tfajliet f’dawn it-tip ta’ stabbilimenti. Illum is-socjetà tagħna iktar ma jgħaddi iż-żmien qed issir iktar permissiva u dan kif stqarret sewwa l-ewwel Qorti fid-deċiżjoni impunjata. Il-Leġiżlatur fil-fatt diġà ħa passi sabiex jirregola il-firxa ta’ attivitajiet li qabel kienu jitqiesu bħala immorali u indiċenti, pereżempju l-liġi li tirregola l-bejgħ ta’ oġġetti jew kitbiet pornografiċi, il-liġi li tirregola ċ-ċensura fost l-oħrajn. Madanakollu fir-rigward tal-istabbilimenti hekk imsejħin ‘gentleman’s clubs’, ma teżisti l-ebda leġiżlazzjoni speċifika li tirregola l-ġestjoni ta’ dawn il-ħwienet u l-limiti li għandhom jiġu imposti għall-atti li jsiru fihom. Pereżempju hemm il-ħsieb li ż-żfin fil-kmamar privati jitneħħa, ir-reklamar mit-tfajliet tas-servizzi minnhom offerti barra l-istabbilment ikun ipprojbit fost l-oħrajn. Għalkemm jidher li l-Eżekuttiv huwa miexi fid-direzzjoni li jirregola t-tmexxija ta’ dan it-tip ta’ negozju, madanakollu sal-lum dan għadu ma seħħx. 

“Il-Prosekutur għalhekk f’dawn l-aħħar snin irrikorra lejn id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-liġi li jirregolaw it-tmexxija ta’ briedel u stabbilimenti oħra li jistgħu joffru servizzi ta’ pjaċir sesswali. Dan huwa żbaljat billi jidher illi dawn l-istabbilimenti huma ġestiti b’mod differenti minn briedel jew half-way houses oħra fejn fihom jiġi offrut biss servizz ta’ prostituzzjoni. Ma teżisti l-ebda leġiżlazzjoni li jirregolaw dawn l-istabbilimenti partikolari, allura huwa diffiċli biex jiġi sanzjonat it-tip ta’ attività li ssir fihom. Il-Prosekuzzjoni dejjem mexxiet l-azzjoni penali kontra min jiġġestixxi dawn l-istabbilimenti taħt il-Kapitolu 63 tal-Liġijiet ta’ Malta li jitkellem dwar il-Qerda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni, liġi li fil-fehma ta’ din il-Qorti ma għandhiex issib applikazzjoni fil-każ in diżamina billi n-natura ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ “negozji” u s-servizzi li joffru huma differenti”, tenniet il-Qorti tal-Appell Kriminali.

“Illum il-preżenza ta’ tfajliet pole dancing u lap dancing hija komuni ħafna f’pajjiżna u jinsab imferrex sew f’diversi nightclubs li joffru dan is-servizz”

Il-Qorti tal-Appell Kriminali

Qalet li dak illi raw il-pulizija dakinhar tal-ispezzjoni li dehrilhom illi kien kontra l-morali f’lok pubbliku jew espost għall-pubbliku, mhux neċessarjament huwa immorali għal persuni oħrajn b’make-up psikoloġiku jew trobbija differenti. Illum il-preżenza ta’ tfajliet pole dancing u lap dancing hija komuni ħafna f’pajjiżna u jinsab imferrex sew f’diversi nightclubs li joffru dan is-servizz. Di più anke l-ilbies skars tat-tfajliet b’tanga u bra wkoll aċċettabbli u aċċessibbli għal kulħadd, kemm fuq il-mezzi tat-televiżjoni kif ukoll fuq mezzi elettroniċi. Wasalna fl-istat fejn is-soċjetà tagħna m’għadhiex tħares aktar b’ċerta stmerrija lejn dawn l-attivitajiet. 

Iddikjarat li “l-Qorti, madanakollu terġa’ tirriafferma li wasal iż-żmien li dawn l-istabbilimenti ta’ divertiment jiġu rregolati f’leġiżlazzjoni ad hoc u li jitpoġġa fuq saqajh qafas leġiżlattiv li jistabbilixxi liema hi dik l-attività li għandha tiġi permessa u liema għandha tiġi sanzjonata, u fuq kollox li jkun hemm il-ħarsien sħiħ mhux biss minn sfruttament ta’ dawk it-tfajliet li jintefgħu għal dan it-tip ta’ xogħol iżda, tas-soċjetà inġenerali billi jiġi definit ċar u tond min jista’ jiffrekwenta dawn it-tip ta’ stabbilimenti, sabiex jiġu mħarsin dawk il-persuni vulnerabbli fis-soċjetà b’mod partikolari l-minorenni.”

Il-Qorti Kriminali qalet li “ż-żminijiet jinbidlu u għalhekk ikun jeħtieġ li l-liġijiet jevolvu sabiex jipprovdu għall-esiġenzi tas-soċjetà fil-preżent. Dan magħdud, sal-preżent għad m’għandniex leġiżlazzjoni li tirregola l-istrip clubs u l-gentlemen’s clubs. Din il-Qorti hi tal-fehma li din il-lakuna fil-liġi għandha tiġi riżolta u għandhom jiġu promulgati liġijiet appożiti sabiex jirregolaw dan is-settur mill-aktar fis. Fil-frattemp, din il-Qorti ma tistax issib ħtija kontra imputat meta dan ikun qed jiġi akkużat b’reati konnessi ma’ prostituzzjoni u briedel, meta x-xhud prinċipali tal-prosekuzzjoni xehdet li l-esperjenza ta’ prostituzzjoni li kellha kienet meta hi ma baqgħetx taħdem fi stabbiliment partikolari u marret taħdem ma’ ħaddieħor.”

Marret hi stess biex tibda taħdem bħala dancer…

Tenniet li “Hi kienet qalet lis-Supretendent Louise Calleja illi hi riedet taħdem bħala dancer u kienet hi stess li marret sabiex tibda taħdem fi stabbiliment, minn jeddha u mingħajr ħadd ma ġegħelha. Din il-Qorti hi tal-fehma li l-prosekuzzjoni għandha dejjem takkuża persuna fuq l-azzjonijiet tagħha, skont l-evidenza miġbura u mhux tagħmel fishing expedition. Mhux ġust illi jiġu mressqa individwi b’dawn l-akkużi, f’każijiet simili, meta qafas legali f’dan ir-rigward ma jeżistix.” 

Sport