Dr Jo Etienne Abela huwa Għawdxi, b’għeruq fir-Rabat, is-Sannat u l-Għasri. Għandu familja ta’ tlett itfal mal-mara, Veronica. Bħala kirurgu ta’ kuljum jikkura u jopera pazjenti, bosta minnhom morda bil-kanċer.
Il-ġenituri tiegħu kellhom negozju żgħir fir-Rabat u tgħallem minn żgħir, japprezza l-ferħ tas-suċċessi ż-żgħar u l-qtigħ ta’ qalb li jġib miegħu l-inżul. Inġibed lejn il-mediċina għax raha bħala mezz li tagħmel differenza ta’ veru fil-ħajja tan-nies, u toffri ċerta stabbilità finanzjarja. Speċjalizza fl-Iskozja, ried li jiġi lura Malta u jġib miegħu dak kollu li tgħallem. Illum, meta jħares lura, iħoss li bil-prattiċi li ġab miegħu u li żviluppa huwa stess, bl-għarfien li għadda lil tobba u l-infermiera Għawdxin u Maltin, ħalla kwalitajiet li se jibqgħu fil-qasam mediku Malti.
Bdejna biex tlabnieh jgħidilna x’kien proprju dak li ħajru joħroġ għall-politika. “F’ħajti poġġejt ħafna impenn fil-professjoni, ikkurajt, operajt u fejjaqt ħafna pazjenti. L-għan f’xogħli hu li nagħti s-saħħa, kultant il-ħajja, lura lill-pazjent, hu min hu, ġej minn fejn ġej. Pero, naf ukoll it-togħma qarsa tal-kumplikazzjonijiet u b’umilta’ konxju tad-dwejjaq li dan iġib lill-individwi u l-qraba tagħhom.
“Nemmen li l-istess valuri li rendew tant fi professjoni twila, kapaċi jħallu impatt sinjifikattiv, fl-isfera politika.
“Minn dejjem ħaddant il-fehmiet soċjalisti demokratiċi. Nemmen li kulħadd għandu jkollu ċans indaqs li jikber. Forsi minn hemm nibtet imħabbti għall-mediċina, għax hi għodda daqstant kruċjali biex kulħadd jgħix ħajja feliċi.
“Allura meta l-Prim Ministru Robert Abela, talabni nikkontesta, ħassejt dik l-istess vokazzjoni biex inpoġġi ruħi għas-servizz. Din id-darba mhux biss tal-pazjent, imma tal-Għawdxin u tal-Maltin kollha.”
U għalfejn ħassejt li kellek jagħmel dan il-pass proprju issa?
Jien għamilt karriera nikkura u nsalva n-nies minn kull qasam u età mill-kanċer. Kuljum xogħoli kien li nirbaħ ġlieda oħra favur il-ħajja. Il-ferħ li inħoss meta jirnexxili nirbaħ ikun kbir daqs in-niket meta ma’ jirnexxilix. F’ċertu sens jien inħares lejn dan il-pass fil-politika bl-istess mod. Fil-politika jien se nkun qed ngħin lin-nies, lill-Għawdxin u l-Maltin jgħixu ħajja aħjar.
Bħala kirurgu xogħlok tiddeċiedi, ħafna drabi fuq ħajjet in-nies. Għalhekk inħoss li fil-perjodu li ninsabu fih, b’pajjiż li qed jirkupra minn kriżi pandemika, pajjiżna jeħtieġ nies li huma lesti jagħmlu l-għażliet li jeħtieġ il-pajjiż għal li ġej.
Pajjiżna jrid jirkupra, irid jibqa’ joffri servizzi tal-aqwa livell, imma jrid ukoll joffri ambjent li jippermetti lit-tfal tagħna jgħixu ħajja aħjar. Biex nagħmlu dan neħtieġu nies deċiżivi.
X’inhu s-sigriet biex jagħmel dan kollu u jsib bilanċ u ħin għalkollox?
Jien ma nafx nagħmel l-affarijiet nofs kedda. Dħalt fil-politika b’ruħi u b’ġismi u hekk se nibqa’ nagħmel. Lest li nkun ta’ servizz għal Għawdxin u Maltin sabiex id-deċiżjonijiet li jittieħdu jkunu ta’ benefiċċju bl-aktar mod wiesgħa għaċ-ċittadini.
Jekk iġġib il-passjoni f’li jkollok quddiemek jirnexxilek tagħmel l-affarijiet u tagħmel l-affarijiet tajbin.
Issa li dħalt fil-politika ħsiebi jinsab fuq kif se nkun strumentali għall-Partit jew aħjar Gvern Laburista, għat-tmexxija ta’ Robert Abela u fuq kollox għall-familji.
Skont Jo Etienne, x’inhuma l-akbar sfidi li qed jitkellmu fuqhom in-nies li tiltaqa’ maghhom ta’ kuljum waqt il-home visits?
Qed nidħol fid-djar tal-Għawdxin kollha li jogħġobhom jilqgħuni. Kulħadd ikollu l-aspirazzjonijiet, bżonnijiet u weġgħat tiegħu u jien nismagħhom u nifhimhom kollha.
Imma hemm ħsieb u sensazzjoni waħda li tibqa’ miegħi wara li noħroġ minn kull dar. Kull Għawdxi u Għawdxija jridu jaraw lil din il-ġawhra ta’ gżira tagħna timxi ‘l quddiem, tistagħna, toħloq setturi ekonomiċi ġodda, u li toħloq ix-xogħol. Fuq kollox l-Għawdxin ta’ rieda tajba jridu li inrodduha lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna sabiħa u naturali kif raddewielna missirijietna. Iżda Għawdex jeħtieġ li toffri l-istess servizzi, l-istess opportunità ta’ xogħol ta’ kwalità li toffri Malta, biex uliedna jagħżlu li jibqgħu hawn, jikbru hawn u jrabbu l-familja tagħhom hawn. Hekk biss tista’ tkun gżira li tilħaq l-aspirazzjonijiet denji ta’ kull Għawdxi.
Kemm għadu validu t-twemmin politiku li jenfasizza ħafna fuq il-prinċipji soċjal demokratiċi li għandu jħaddan il-Partit Laburista?
Tisma’ min jgħidlek li llum il-partiti kollha jipprietkaw l-istess affarijiet li fil-prinċipju jaqbel magħhom kulħadd. U allura l-partiti huma kollha l-istess. Jien ma’ naqbilx. Fil-politika għalija huwa importanti li tgħid fiex temmen u x’qed tipproponi. Imma daqstant ieħor huwa importanti li l-politika tagħti l-frott, fejn mill-kliem tgħaddi għall-fatti. Huwa dan il-qofol tas-suċċess tal-Partit Laburista immexxi minn Robert Abela. It-twemmin soċjal demokratiku tagħna mhux biss kliem imma qed narawh isir realta b’għajnejna u mmissuh b’idejna.
Jista’ jkun li jinstemgħu jgħidu kliem jixxiebaħ, imma fil-politika nitkejlu b’dak li niddeċiedu u b’dak li nwettqu. Il-marka ta’ Gvern Laburista llum tinħass fil-fasla soċjali tagħna, fil-livell tal-għajxien l-aktar fost dawk li kellhom l-inqas opportunità u riżorsi, u fid-differenza f’ħajjet minoranzi. Dan il-progress soċjali u liberali żgur li jiddistingwina.
Hekk kif Dr Abela ġej minn Għawdex, tlabnieh jgħidilna x’viżjoni u proposti għandu għal din il-gżira tant sabiħa?
Għawdex ma jistax jibqa’ sempliċiment estensjoni ta’ Malta. Għalkemm naqsmu ħafna affarijiet, f’ċerti oqsma ngħixu realtajiet differenti wkoll, li l-politika tal-gvern tajjeb li tirrikonoxxihom. Jiena trabbejt Għawdex imma qattajt biżżejjed żmien f’Malta biex dawk is-similaritajiet u d-differenzi narahom u ngħixhom.
Jien nara li l-Partit Laburista għandu opportunità storika tad-deheb għall-gżira żgħira tagħna. Is-sbuħija naturali, ambjentali, storika u kulturali t’Għawdex hi unika. Nemmen li għalhekk bħala partit u bħala Gvern għandna nagħrfu iktar l-opportunitajiet uniċi li dawn il-kwalitajiet joffru biex nimirħu f’viżjoni ġdida. Għawdex li jattira turisti li jonfqu iktar. Għawdex li jitfgħu fih l-għeruq tagħhom iktar investituri barranin għax jaqblilhom. Għawdex li jibqa’ uniku. Għawdex li joffri opportunitajiet għal impiegi ġodda. Għawdex li kulturalment u soċjalment ifur bl-attivitajiet. Għawdex li jagħraf juża bl-aħjar mod u iktar intelliġenti l-bibien li t-teknoloġija diġitali qed tiftaħ beraħ.
Spiss neħlu nitkellmu fuq il-limitazzjonijiet ta’ Għawdex. Forsi wasal iż-żmien li nitkellmu aktar fuq l-opportunitajiet li bħala gżira toffri.
Jekk Jo Etienne jingħata l-fiduċja, x’timbru jixtieq iħalli bħala Membru Parlamentari?
Jien se nkun minn tal-ewwel biex nenfasizza u naħdem fuq it-tajjeb li Għawdex għandu x joffri ħalli nkomplu mixjin ‘il quddiem. Iżda fl-istess ħin se nimpenja ruħi biex dak li sal-lum inqisuh bħala żvantaġġ nitgħallmu kif nużawh aħjar u ndawruh f’opportunità.
Għawdex għadu joffri kapital turistiku importanti lil pajjiżna, imma ma joffrix dak biss. Joffri opportunitajiet importanti fil-qasam diġitali li kapaċi jassigura kwantità u kwalità ta’ impjiegi rassikuranti, bħalma l-gżira tista’ toffri fil-qasam mediku u anke dak edukattiv.
Jien se nkun spalla ma’ spalla mal-Prim Ministru, Robert Abela biex nibqgħu naħdmu u nġibu aktar bidliet pożittivi. Lest li nservi bil-ħila kollha tiegħi biex ngħinu jwettaq il-viżjoni tiegħu. Għalhekk jekk l-Għawdxin ituni l-fiduċja li nirrappreżenthom jien lest li nservi skont il-bżonnijiet u l-esiġenzi ta’ dawk iż-żminijiet.
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Dr Jo Etienne Abela, xtaq iwassal messaġġ finali lill-elettorat Malti…
L-elezzjoni hija strumentali għal-elettorat Għawdxi u Malti għax f’dawk il-ftit ġimgħat ta’ kampanja n-nies ikollhom l-opportunita li jisimgħu aktar fuq il-viżjoni li l-Partiti Politiċi għandhom għal Malta u Għawdex.
Dik il-viżjoni li tkun msejsa fuq diversi miżuri li flimkien jagħmlu l-manifest elettorali. Din hija l-bażi li fuqha n-nies jiffurmaw id-deċiżjoni tagħhom. Iżda mhux biss. Ħafna waqt li jkunu qed jagħmlu l-għażla tagħhom jikkunsidraw ukoll min kapaċi jimplimenta li qed iwiegħed. Ir-riżultati tal-Partit Laburista fil-Gvern matul dawn l-aħħar disa’ snin tkelmu waħidhom. Il-futur ta’ pajjiżna rridu nwettquh flimkien, bħala Maltin u Għawdxin flimkien. Il-Prim Ministru, Robert Abela, bina warajh se jkun qed jiggarantixxi futur sabiħ, sod u seren u li fih hemm post ghal kulħadd.