Friday, December 27, 2024

“Wasal iż-żmien li nwettqu riforma ambizzjuża”

- Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said

Aqra wkoll

“Wasal iż-żmien li nwettqu riforma ambizzjuża fid-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali,” hekk sostniet is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha nediet ir-riforma f’dan il-qasam.

Bugeja Said qalet li l-poplu Malti u Għawdxi jħobbu l-annimali, l-imħabba lejn l-annimali trid tkompli tixhed fl-azzjonijiet li jittieħdu kuljum.

Is-Segretarju Parlamentari qalet li d-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali ta’ kuljum jagħmel xogħol kbir madwar il-pajjiż kollu. Fil-fatt matul is-sena li gaħddiet l-istess Direttorat kelu aktar minn 5,000 talba għal għajnuna u fl-ewwel kwart ta’ din is-sena diġà kellu 1,000 sejħa.

Hija qalet ukoll li matul is-sena li għaddiet ġew salvati 1,500 qattus u 700 kelb li kollha ngħataw il-kura li kellhom bżonn.

Bugeja Said saħqet li “mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura konna konxju tan-nuqqasijiet. Wettaqna konsultazzjoni wisa’ biex issa wasalna għal riforma kbira.”

Wara konsultazzjoni wiesgħa li saret ma’ attivisti, ċittadini u anke uffiċjali minn ħdan id-Direttorat stess, ġie żviluppat dan id-dokument b’dawn il-prinċipji:

  • Introduzzjoni ta’ sistema ċentrali biex tinkiseb u tiġi aċċessata l-informazzjoni kollha relatata mal-ħidma tad-Direttorat: Dan ser iwassal biex il-proċeduri interni tad-Direttorat jiġu aġġornati, bil-għan li jkun hemm ġabra ta’ informazzjoni iktar effiċjenti għall-uffiċjali pubbliċi u għall-pubbliku;
  • Investiment fl-infrastruttura għall-użu tad-Direttorat: L-istrateġija ser tindika l-bżonnijiet infrastrutturali eżistenti, fost dawn, faċilitajiet ta’ clinics ġodda, tisħiħ tas-servizz ta’ ambulanza għall-annimali, kif ukoll aktar spazji fejn jinżammu l-annimali abbandunati;
  • Tisħiħ tal-kapital uman: L-istrateġija ser tassigura li l-uffiċjali fi ħdan id-Direttorat ikunu mħarrġa, u mogħtija r-riżorsi kollha meħtieġa biex jaqdu l-obbligi preżenti, kif ukoll dawk addizzjonali fil-futur;
  • Trasformazzjoni diġitali: Ir-riforma fid-Direttorat qegħda bbażata fuq l-użu tal-aħħar għodod teknoloġiċi, bil-għan li tassigura l-effiċjenza u l-effettività tad-Direttorat, kemm internament kif ukoll mal-pubbliku;
  • Introduzzjoni ta’ proċeduri standard fl-operat tal-uffiċjali: Id-Direttorat ser jaħdem biex jiġu mnedija numru ta’ standard operating procedures uffiċjali, li sejrin jassiguraw konsistenza kif ukoll trasparenza fl-obbligi tal-uffiċjali;
  • Tisħiħ tal-Governanza fi ħdan id-Direttorat: L-istrateġija ser timplimenta numru ta’ proċessi legali u finanzjarji ġodda, bil-għan li l-proċessi kollha tad-Direttorat jibqgħu konformi mar-regolamenti lokali u Ewropej kollha;
  • Kommunikazzjoni diretta mal-pubbliku: L-istrateġija qegħda tenfasizza fuq komunikazzjoni diretta, attiva u trasparenti mal-pubbliku, u speċjalment mal-attivisti kollha li jaħdmu f’dan is-settur. Dan ser isir tramite l-użu tal-midja soċjali, il-midja tradizzjonali, u anke diskussjonijiet diretti maċ-ċittadini.

Ħabbret li se jiġu ppreżentati diversi abbozzi ta’ liġijiet ġodda u għalhekk se jkun hemm mod differenti ta’ kif isiru l-affarijiet.

Ekonomija

Sport