Saturday, December 21, 2024

“Wasalna biex inżidu l-ħin ta’ żjarat fid-djar tal-anzjani” – il-Ministru Michael Farrugia

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-ħinijiet tal-viżitaturi lir-residenti fid-djar tal-anzjani mistennija jiżdiedu fil-każ ta’ dawk li huma mlaqqma b’mod sħiħ. Dan se jseħħ fil-ħinijiet ta’ waranofsinhar.

Dan ħabbru l-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia fil-Parlament waqt id-diskussjoni tal-estimi tal-Ministeru li huwa responsabbli minnu.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Farrugia ħabbar ukoll li għas-sena d-dieħla, fir-residenza San Vinċenz de Paul se jkun hemm spiżerija ġdida, ġnien għal dawk bil-kundizzjoni tad-dimensja kif ukoll servizz tal-idroterapija fost oħrajn.

Sadanittant, huwa għamel referenza għad-diversi miżuri li jissemmew fil-Budget 2022 li jolqtu b’mod partikolari lill-anzjani fosthom iż-żieda ta’ €5 fil-ġimgħa lill-pensjonanti kollha, l-aġġustament fil-pensjonijiet tar-romol u ż-żieda fil-benefiċċju tal-carer at home, minn €6,000 għal €7,000 fis-sena. 

Il-Ministru Farrugia semma wkoll kif mis-sena d-dieħla, ser jibdew ikunu eliġibbli awtomatikament għall-għajnuna medika bla ħlas, jew il-Karta r-Roża kif inhi aktar magħrufa, dawk l-anzjani kollha fl-età ta’ 80 sena jew aktar u li jirċievu l-Għajnuna Supplimentari għax id-dħul tagħhom ikun taħt ċertu ammont. 

Huwa żied isemmi li f’Settembru li għadda nfetaħ l-ewwel Ċentru għall-Kura tad-Dimensja fl-Imtarfa u fi ftit tal-ġimgħat oħra se jinfetaħ dak ta’ Ħal Safi fejn se jsiru programmi ta’ attivitajiet terapewtiċi biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani.

Huwa tkellem ukoll dwar ix-xogħol ta’ tisbiħ li se jkun qed isir fi djar residenzjali oħra fosthom dik ta’ Bormla. Fl-istess waqt, huwa spjega li se jitkompla x-xiri ta’ sodod mis-settur privat. 

Il-Ministru Michael Farrugia temm id-diskors tiegħu billi qal li dan il-Gvern għandu viżjoni kbira ‘l quddiem għal dan is-settur u se jkomplu jippjanaw u jibnu fuq is-suċċess li diġà sar.

Ekonomija

Sport