Watford keċċew lil Claudio Ranieri wara biss tliet xhur fil-kariga hekk kif ilHornets jinsabu fiż-żona tar-relegazzjoni tal-Premier League Ingliż.
It-telfa f’darhom ta’ 3-0 fil-konfront dirett kontra Norwich City nhar il-Ġimgħa filgħaxija wriet li din setgħet tkun l-aħħar partita għall-manager Taljan.
Watford ġew promossi fil-Premier League fl-istaġun li għadda u qed jippruvaw iżommu l-istatus tagħhom fl-ogħla diviżjoni.
Id-diretturi ta’ Watford issa se jkunu qed ifittxu t-tielet manager tal-istaġun meta diġà keċċew lil Xisco, f’Ottubru li għadda.
Ranieri tilef għaxra mit-13-il logħba tiegħu bl-uniċi rebħiet tiegħu jaslu kontra Everton u Manchester United.
Wara t-telfa kontra l-Canaries, Ranieri deher jissuġġerixxi li kien se jibqa’ fit-tmexxija u saħaq li kien f’kuntatt kontinwu mal-bord ta’ Vicarage Road.
Huwa qal: “Irrid ngħid li jiddispjaċini għall-partitarji tagħna għax riedna nagħmlu xi ħaġa aħjar. Tlabna lill-players biex jagħtu kollox u li ma stajniex nitilfu din il-partita, iżda wara l-goal sparixxejna mil-logħba.”
“Nemmen fir-reazzjoni tiegħi u tar-reazzjoni tal-players. Mhux possibbli li nkomplu b’dan il-mod għax inkella se naqgħu fiċ-Championship. Irrid lill-players tiegħi juru qalb u mentalità li jilagħbu bħala team.”
“Nitkellem kuljum mal-bord u aħna lkoll flimkien. Nemmen f’dawn il-players, u l-players li iridu jemmnu wkoll. Min ma jridx jemmen, iħalli l-club.”
It-Taljan dam inqas minn sena fil-ħames esperjenzi maniġerjali tiegħu minbarra darba meta mexxa lil Leicester City għar-rebħ tat-titlu tal-Premier League fl-2016.
Fl-Ingilterra, huwa mexxa wkoll lil Chelsea bejn l-2000 u l-2004.