Il-plejer tal-wheelchair darts Bradley Zerafa ħa sehem f’tournament internazzjonali fil-belt Daniża ta’ Esbjerg fejn kien involut f’diversi kompetizzjonijiet.
Fl-ewwel ġurnata hu ħa sehem fid-doubles flimkien ma’ missieru Joseph William Zerafa għalkemm huma tilfu 3-1 kontra Ralf Huesmann u Julian Weiken.
Fit-tieni ġurnata, Zerafa ħa sehem fl-Open Wheelchair Para Darts Category fejn spiċċa fit-tielet post wara telfiet kontra Vincent D’Hondt 2-0 u Chloe Francq 2-1. Hu rnexxielu jġib medja ta’ 32.35 punt.
Fl-aħħar ġurnata, Bradley Zerafa ħa sehem fil-Masters Wheelchair Para Darts Category fejn hu lagħab fi grupp ta’ ħames plejers. Fil-logħbiet li hu lagħab tilef 2-0 kontra Frank Bjerregaard Hansen u 2-0 kontra Jurgen Vercammen. Hu kellu walk-over kontra Bjorn Kohn sabiex ġie r-raba’ fil-grupp iżda mhux biżżejjed biex jagħmilha għall-fażi eliminatorja.
Sadanittant hu kiseb medja ta’ 32.02 punt fil-jumejn ta’ logħob.