Sunday, November 24, 2024

White Paper għal tisħiħ fl-istrutturi tal-OHSA

Se tkun imsaħħa l-kultura ta’ konformità b’deterrenti adegwati u rikors aktar mgħaġġel għall-ġustizzja

Aqra wkoll

Il-Gvern nieda White Paper għall-konsultazzjoni pubblika dwar l-Att il-Ġdid dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol, li fiha qed ikunu proposti l-prinċipji li fuqhom titfassal il-liġi ġdida tas-saħħa u s-sigurtà f’pajjiżna. Dan filwaqt li jissaħħu l-istrutturi tal-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA).

Dan tħabbar mill-Ministru għax-Xogħlijiet u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi f’konferenza stampa li indirizza proprju fil-Jum Internazzjonali ddedikat lis-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi beda biex spjega li l-liġi attwali li tirregola s-saħħa u s-sigurtà jeħtieġ li tkun reveduta biex tiżgura li l-istrutturi fi ħdan l-Awtorità jkunu spjegati b’mod ċar u jservu l-għanijiet tagħhom billi jissaħħu r-regoli interni u operattivi meħtieġa.

Qal ukoll li l-liġi jeħtieġ li tkun reveduta wkoll biex tixpruna ‘il quddiem aktar konformità fost dawk responsabbli bid-dħul ta’ deterrenti adegwati u mudell aktar effiċjenti u effettiv ta’ infurzar. Barra minn hekk, tinkoraġġixxi aktar parteċipazzjoni u involviment mal-imsieħba soċjali.

L-Att il-Ġdid li ser jitfassal wara din il-konsultazzjoni se jwassal għal ristrutturar tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol bil-ħolqien ta’ Bord Governattiv li se jkun responsabbli biex jiżgura li l-Eżekuttiv imexxi l-amministrazzjoni tiegħu b’livell għoli ta’ governanza.

Se jkun hemm ukoll Eżekuttiv tas-saħħa u s-sigurtà. Dan l-Eżekuttiv se jkun immexxi minn Uffiċjal Kap Eżekuttiv u se jkollu f’idejh l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att. Il-Kunsill tas-Saħħa u s-Sigurtà se jagħti vuċi aktar b’saħħitha lill-imsieħba soċjali li għandhom jiġu kkonsultati dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw is-saħħa u s-sigurtà. Fl-istess waqt, se jinkoraġġixxi relazzjonijiet amikevoli bejn id-diversi partijiet interessati.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li l-proposta għal Liġi l-ġdida se tkun qiegħda tipprovdi wkoll għat-twaqqif ta’ administrative instruments ġodda li se jkunu ta’ għajnuna għall-Awtorità sabiex tkun iktar effettiva u effiċjenti fl-infurzar tagħha.
Mill-banda l-oħra, fil-każ tar-riforma tas-sistema ta’ pieni amministrattivi filwaqt li se jinżamm il-jedd ta’ proċeduri kriminali is-sistema attwali ta’ pieni amministrattivi se tkun qed tiġi mibdula bit-twaqqif ta’ Tribunal Amministrattiv.

B’hekk dan ibiddel is-sitwazzjoni attwali li f’każ ta’ ħruġ ta’ piena amministrattiva, f’każ t’appell mhemmx għalfejn li wieħed jirrikorri għal proċeduri quddiem il-Qorti tal-Maġistrati kif jiġri bħalissa.

Qal ukoll li bil-proposti fil-White Paper, se jkomplu jiġu ċċarati r-responsabbilitajiet ta’ kull min iħaddem fil-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati tiegħu. Barra minn hekk se jiġu żgurati wkoll sistemi ta’ aktar saħħa u sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol.

Preżenti għal konferenza stampa kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Mark Gauci. Fid-diskors tiegħu qal li dan l-Att se jkun qiegħed jagħti strumenti amministrattivi lill-Eżekuttiv biex jirregola l-kwistjonijiet tal-Awtorità. Huwa ħabbar ukoll li se tkun qiegħda ssir riforma tas-sistema tal-pieni sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq il-Qrati. Huwa rrimarka l-fatt li se titwaqqaf Tribunal Amministrattiv, li se jkunu qegħdin jagħtu pieni. Rigward il-pieni, huwa qal li dawn jistgħu ivarjaw minn €1,500 sa €20,000.

Sport