Minn naħa tiegħu d-Deputat Prim Ministru qal li minkejja li għadna fl-ewwel ġimgħat tas-sena, il-miżuri tal-budget diġà qiegħdin iħallu impatt pożittiv fuq il-ħajja tan-nies. Id-DPM Chris Fearne qal li minħabba din ir-raġuni jħoss li m’għandux jerġa’ jaqbad il-punti li spjega tajjeb ħafna il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana.
Kien għalhekk li Fearne uża l-ħin tiegħu biex jitkellem dwar il-pandemija u qal li sa mill-bidu nett pajjiżna kellu budget ta’ għexieren ta’ miljuni biex iħares l-għajxien, l-impjiegi tal-poplu biex ħadd ma jaqa’ lura. Tkellem dwar fond ta’ €20 miljun f’xiri ta’ vaċċini li li kieku għall-Oppożizzjoni ma kinux jintefqu għax qalu li ma kinitx xi ħaġa possibbli.
Dwar il-budget ta’ din is-sena, il-Ministru tas-Saħħa qal li wara l-firxa tal-Omicron żdied l-ittestjar u miżuri oħra li jinħtieġu biex jassiguraw is-sigurtà tal-poplu. Tkellem dwar l-ilbies protettiv ta’ dawk li kellhom jaffaċċjaw il-persuni infettati matul dawn iż-żminijiet diffiċli.
Filwaqt li hemm faċilità li jiġu trattati 50 persuna fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, Fearne qal li f’pajjiżna għandna biss ħames pazjenti rikoverati f’din it-taqsima.
Huwa qal li pajjiżna, grazzi għal deċiżjonijiet għaqlin li kellhom jittieħdu kien wieħed mill-ftit pajjiżi li rnexxielhom ma jaqgħux lura fis-servizzi tas-saħħa li mhumiex covid.