Thursday, April 25, 2024

Is-Sedja ma rriżultalhiex li ttieħdu filmati fil-Parlament

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Is-Sedja tisħaq li jintuża kemm il-buon sens kif ukoll l-etika ta’ kull min jagħmel użu ta’ apparat tekonoloġiku bħalma huma mobile phones b’rispett tal-istess membri li xogħolhom huwa kommess ma’ din l-istituzzjoni tal-Parlament. Il-Kamra tapprezza li huwa ferm diffiċli għas-Sedja biex tassigura li kull min għandu aċċess għall-bini tal-Parlament ma jiħux filmati bil-mowbajl fil-kurituri jew fil-partijiet komuni.”

Iddikjara dan l-Ispeaker Anġlu Farrugia f’ruling rigward teħid ta’ filmati bil-moħbi li bdew barra mill-bini tal-Parlament liema filmati kien allegat li komplew hekk kif żagħżugħ baqa’ dieħel fil-bini tal-Parlament hu u jakkumpanja lill-Kap tal-Oppożizzjoni.

L-Ispeaker qal li minn investigazzjonijiet li saru, is-Sedja rat il-filmati kollha li dehru fuq il-programm pjazza fir-rigwrad tal-intervista li kienet qed issir lill-Kap tal-Oppożizzjoni nhar l-Erbgħa 19 ta’ Jannar 2022 hekk kif kien dieħel fil-Parlament. Rat ukoll filmat mis-CCTV kameras tal-parlament tal-istess jum, fil-ħin tal-4.28 p.m. fejn il-Kap tal-Oppożizzjoni deher dieħel akkumpanjat mis-Sur Jeremy Gingell fil-bini tal-Parlament.

Is-Sedja kkonfermat ukoll li s-Sur Gingell għandu l-pass normali bħalma għandu kull persuna adetta mal-Ministri. Is-Sur Gingell normalment jidħol mill-bini tal-amministrazzjoni fejn jgħaddi mis-security screening però jitħalla jidħol ukoll mill-bini tal-Kamra meta jkun qed jakkumpanja lill-Kap tal-Oppożizzjoni. Dan isir fuq direttiva li ħareġ l-Ispeaker stess biex titħalla tidħol persuna li takkumpanja lill-Onor. Prim Ministru Robert Abela wkoll.

Dwar il-kwistjoni tal-filming, is-Sedja ċċarat li mill-ebda filmat li rat ma seta’ jirriżulta li kien qed isir xi tip ta’ ffilmjar minn Gingell.

Is-Sedja ċċarat ukoll li sakemm ma jiġix b’xi mod imfixkel xi membru, huwa u jkun dieħel jew ħiereġ mill-binja, hi m’għandha l-ebda jedd timpedixxi li jsir xi filming fuq barra tal-binja tal-parlament.

Il-policy li tiġi applikata fir-rigward tal-midja meta dawn jitolbu li jsir iffilmjar laqgħa tal-kumitat jew xi parti oħra tal-bini tal-Parlament hija li tiġbdilhom l-attenzjoni li m’għandhomx jostakolaw lill-membri fil-qadi ta’ dmirijiethom u jekk jixtiequ jintervistaw xi membri jkunu jridu jieħdu l-permess tiegħu jew tagħha qabel jibda l-iffilmjar. Fil-plenarja dan l-iffilmjar isir biss bil-permess taż-żewġ naħat tal-Kamra.

F’każ li l-filming li se jkun qed isir fil-kmamar tal-Gruppi Parlamentari rispettivi, it-talba tiġi riferuta lill-Whip tal-Grupp konċernat. Fil-każ tal-Plenarja waqt li l-kamra tkun qed tiltaqa’ ma jitħalliex isir iffilmjar mill-istrangers gallery permezz tal-mobile jew xi tip t’apparat ieħor.

Sport