Thursday, December 19, 2024

Wimbledon: Alcaraz u ċ-champion renjanti Rybankina jirbħu

Aqra wkoll

Il-player numru wieħed tad-dinja, l-Ispanjol Carlos Alcaraz, beda t-tentattiv tiegħu li jirbaħ it-tournament ta’ Wimbledon għall-ewwel darba meta fl-ewwel round warrab l-isfida tal-Franċiż, Jeremy Chardy, 6-0 6-2 7-5 f’sigħa u 53 minuta.

Għat-tieni ġurnata wara l-oħra ddominat ix-xita li niżlet fuq Londra tant li ħafna mil-logħbiet bdew u lanqas tkomplew u għalhekk se jkollhom konġestjoni ta’ logħ­biet biex jiġu għan-normal.

Alcaraz kellu bidu mill-aqwa meta fl-ew­wel żewġ sets ċeda żewġ games biss u minkejja li fit-tielet set Chardy għolla l-logħba tiegħu tant li anke kien 4-2 minn fuq, l-iskor sar 4-4 u wara Chardy reġa’ mar 5-4 minn fuq sakemm Alcaraz rebaħ l-aħħar tliet games biex issiġilla r-rebħa u għadda għat-tieni round.

Wara r-rebħa tiegħu Alcaraz qal: “Naħseb li lgħabt tajjeb ħafna fil-bidu tal-logħba iżda fit-tielet set Jeremy sab il-livell tiegħu. Kont xi ftit fl-inkwiet iżda nħobb nilgħab ir-rallies. Inħobb nilgħab battalji u jien tassew kuntent li lgħabt livell kbir, it-tnejn li huma, fit-tielet set. Ninsab tassew kuntent li ngħaddi minn dan l-ewwel round.”

L-Amerikan Michael Mmoh issorprenda lis-seed numru 11, il-Kanadiż Felix Auger-Aliassime, meta għelbu 7-6 (7-4) 6-7 (4-7) 7-6 (7-4) 6-4 f’logħba li damet erba’ sigħat. Mmoh jinsabu fil-119-il post tar-rankings tad-dinja.

In-Norveġiż seed numru 4, Casper Ruud, għeleb lill-Franċiż, Laurent Lokoli, bla tbatija, 6-1 5-7 6-4 6-3, fejn tal-aħħar rebaħ il-battalja tal-baseline meta pproduċa 43 shots rebbieħa kontra 35, iżda Ruud kien b’saħħtu max-xibka fejn rebaħ 28 punt.

Il-veteran Franċiż, Richard Gasquet, ġie eliminat mill-ewwel mill-kompatrijott tie­għu, Corentin Moutet wara li tilef 6-3 7-5 7-5.

Veteran ieħor, Stan Wawrinka tal-Isvizzera, kiseb rebħa dritta ta’ tliet sets, 7-5 7-5 6-4, kontra l-Finlandiż, Emil Ruusuvuori,

Iżda ċ-champion tas-sena l-oħra tal-kate­gorija femminili, Elena Rybakina tal-Kazakhstan, ma kelliex tiġi sorpriża meta l-Ameri­kana Shelby Rogers rebħet l-ewwel set iżda hija kisbet il-pareġġ u anke r-rebħa fiż-żewġ sets ta’ wara bil-punteġġ ta’ 4-6 6-1 6-2.

L-Ukrena Elina Svitolina kisbet rebħa faċli ta’ 6-4 6-3 fuq ir-rebbieħa ħames darbiet f’Wimbledom, Venus Williams, iżda l-wildcard ta’ 43 sena offriet wirja mill-aqwa fl-ewwel set tal-24 dehra tagħha fl-All England Club. Hija pero’ tħabtet wara li żelqet u lwiet koppitha.

Iċ-champion Olimpika, Belinda Bencic, kellha titħabat fl-ewwel set li kien ferm missielet iżda xorta eliminat lill-Britannika, Katie Brown, 7-5 6-2, bil-Franċiża Diane Parry tagħmel l-istess fuq il-Britannika l-oħra, Harriet Dart, fi triqitha lejn rebħa ta’rimonta ta’ 6-7 (4-7) 6-0 6-4.

Ir-Russa Veronika Kudermetova għelbet lil Kaia Kanepi tal-Estomja, f’żewġ sets, 7-6 (7-4) 6-4.

Coco Gauff, li kienet imbassra li se tavvanza sew, kellha tbaxxi rasha kontra l-kompatrijotta Amerikana, Sofia Kenin, meta din għelbitha 6-4 4-6 6-2 f’sagħtejn u tliet minuti.

Rebħa tajba b’żewġ sets ukoll kisbitha l-Ispanjola Sara Sorribo Tormo li għelbet lit-Taljana, Martina Tevisan 6-3 6-4 waqt li ċ-Ċeka Katerina Siniakova eliminat liċ-Ċiniża, Quiwen Zheng, 6-3 7-5, bħal m’għamlet il-kompatrijotta tagħha, Marketa Vondrousova li għelbet lill-Amerikana Peyton Steans 6-2 7-5.

Rebħa Spanjola oħra kisbitha Cristina Busca li eliminat lil Kamilla Rakhimova fi tliet sets, 6-3, 4-6, 7-6 (11-9) f’logħba ferm missielta kif juri r-riżultat.

Ekonomija

Sport