Saturday, May 18, 2024

INVESTIMENT LI JRENDI MHUX SPIŻA

Aqra wkoll

L-industrija tal-films f’pajjiżna qiegħda tkompli tikber u tespandi. Dan it-tkabbir f’din l-industrija, ma hemmx dubju li qed iħalli l-miljuni ta’ ewro fl-ekonomija Maltija. Dan m’aħniex ngħiduh aħna biss, imma xhieda ta’ hekk huma l-ammont dejjem jiżdied ta’ produzzjonijiet ċinematografiċi li qed jinġibdu kull sena f’pajjiżna, b’żieda konsistenti minn sena għall-oħra. 

Dak kollu li kapaċi toffri Malta f’dan is-settur kien espost ukoll waqt il-Mediterrane Film Festival li ttella’ f’pajjiżna l-ġimgħa li għaddiet. Għalkemm bħalma jiġri f’kollox, dan il-festival qanqal ċertu kritika, nemmnu li Malta kisbet mhux ftit f’dik li hija fama internazzjonali li jgawdu l-faċilitajiet li għandu pajjiżna għall-ġbid tal-films. 

Dan qed ngħiduh għaliex illum għandna faċilitajiet li jħabbtuha sew mhux biss ma’ ta’ pajjiżi oħra fir-reġjun tal-Mediterran imma wkoll ma dawk tal-kontinent Ewropew. Għalhekk il-Mediterrane Film Festival serva ta’ vetrina oħra għal pajjiżna biex b’hekk nattiraw aktar produzzjonijiet ta’ kwalità lejn Malta u fl-istess waqt jinħolqu aktar impjiegi u opportunitajiet ta’ karrieri. 

Huwa ta’ sodisfazzjon ninnutaw ukoll kif matul din il-ġimgħa kienu diskussi diversi temi, li jmissu mill-qrib ma’ din l-industrija. L-edukazzjoni fil-films kienet parti integrali, jekk mhux ukoll l-aktar kruċjali f’dan il-festival sabiex l-industrija tal-films f’pajjiżna tkompli tiffjorixxi fuq is-sisien sodi li diġà bniet.

Bla dubju imma, li kull attività li ssir, hi x’inhi, tqanqal interess u kritika wkoll. U hekk sewwa biex l-affarijiet isiru dejjem aħjar. L-agħar imma meta l-kritika tkun inġusta, bla bażi u bi skop waħdieni biex tagħmel il-ħsara. Kritika bħal din għandha tkun mistmerra dejjem u kullimkien.

Għalhekk ma naqblu xejn ma dak li ġie rappurtat li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni illi n-nefqa li saret sabiex ittella’ l-Mediterrane Film Festival kien abbuż ta’ finanzi pubbliċi. 

Aħna, wiċċ il-munita ma narawhx kif raħ il-Kap tal-Oppożizzjoni. Għalina, in-nefqa li saret ma nikkonsidrawhiex spiża iżda investiment f’industrija li qed tkabbar isem pajjiżna mal-barranin. Fuq kollox nemmnu bis-sħiħ li kwalunkwe investiment mhuwiex spiża imma għandu jkun meqjus għodda li trendi aktar mill-istess investiment li jkun sar.

Sport