Sunday, October 27, 2024

Wimbledon: Djokovic jibda d-difiża b’rebħa fuq il-Korean Kwon

Aqra wkoll

Iċ-champion renjanti Novak Djokovic beda t-tfittxija tiegħu għar-raba’ titlu konsekuttiv ta’ Wimbledon b’rebħa b’erba’ sets missielta fuq il-Korean t’Isfel, Kwon Soon-woo, taħt is-saqaf tas-Centre Court.

Djokovic qed jimmira li jirbaħ is-seba’ titlu f’SW19, li jressqu wieħed wara r-rekord tal-irġiel ta’ Roger Federer. Is-Serb, li huwa l-aqwa seed rebaħ 6-3 3-6 6-3 6-4 fuq in-numru 81 fid-dinja.

Ir-rebħa tieħu s-sensiela ta’ rebħ tal-eks numru wieħed tad-dinja f’Wimbledon għal 22 partita.

Ifisser ukoll li Djokovic isir l-ewwel player, raġel jew mara, li rreġistra 80 rebħa fis-singles fl-erba’ tournaments tal-Grand Slam.

“Għedt dan qabel iżda dan il-court huwa tassew speċjali, għalija dejjem kien il-court li ħlomt li nilgħab u nirbaħ fuqu u l-ħolm kollu tiegħi ta’ tfuliti sar realtà hawnhekk, għalhekk huwa ta’ unur u pjaċir li nerġa’ nkun lura fiċ-Centre Court,” qal Djokovic.

Dwar ir-rebħ ta’ 80 partita f’Wimbledon, żied jgħid: “Dan l-isport tani kollox, nirrispetta ħafna lill-isport u xorta nħobbu b’qal­bi kollha.

“Jien dedikat daqs kulħadd hawnhekk, m’għadniex wieħed miż-żgħażagħ iżda l- imħabba għal dan l-isport għadha taħraq fija u nipprova dejjem nilgħab l-aqwa tennis tiegħi fil-Grand Slams u nwassal l-aqwa tennis tiegħi fl-aqwa courts. Issa li għandna 80, ejja naslu għal 100.”

In-numru 3 fid-dinja li għandu 35 sena, huwa l-favorit li jżomm it-titlu fin-nuqqas tal-ogħla klassifikat, Daniil Medvedev – ipprojbit wara d-deċiżjoni ta’ Wimbledon li jċaħħad id-dħul lill-players Russi u Belarussi – u l-imweġġa’ Alexander Zverev.

Iż-żagħżugħ ta’ 19-il sena Spanjol, Carlos Alcaraz, li pproduċa xejn inqas minn 30 aces kontra t-23 tal-Ġermaniż, Jan-Lennart Struff rebaħ f’ħames sets fil-ħin ta’ erba’ sigħat u 18-il minuta, 4-6 7-5 4-6 7-6 (7-3) 6-4.

Cameron Norrie beda l-isfida tat-tennisti Britanniċi meta sar l-ewwel player lokali li rebaħ wara l-bidu tal-ġurnata tal-ftuħ interrott mix-xita bil-waqfa ddum ftit iktar minn siegħa.

In-numru wieħed tal-irġiel Britanniċi, Norrie, 26 sena, lagħab b’kunfidenza fir-reb­ħa ta’ 6-0 7-6 (7-3) 6-4 kontra l-Ispanjol Pablo Andujar.

Norrie, li huwa d-disa’ seed, qed jipprova jilħaq it-tieni ġimgħa ta’ Grand Slam għall-ewwel darba.

L-Amerikan Tommy Paul kiseb rebħa fi tliet sets, 6-1, 6-3 7-6 (7-4) meta għeleb lill-Ispanjol, Fernando Verdasco, waqt li l-Franċiż, Quentin Halys, ħa erba’ sets biex għeleb lill-kompatrijott tiegħu, Benoit Paire, 4-6 6-1, 6-2 6-4.

Amerikan ieħor, Frances Tiafoe, avvanza wkoll meta elimina lit-Taljan, Andrea Vavassori, bi tliet sets identiċi, 6-4 6-4 6-4.

Il-finalista tal-French Open, in-Norveġiż, Casper Ruud, ħa tliet sets biex warrab l-isfida tal-Ispanjol, Albert Ramos-Vinolas, 7-6 (7-1) 7-6 (11-9), 6-2.

In-numru tnejn tad-dinja, Ons Jabeur, għaddiet għat-tieni round b’rebħa b’sets dritti kontra l-kwalifikata Svediża, Mirjam Bjorklund.

It-tielet seed Tuneżina għelbet lill-avversarju tagħha 6-1 6-3 fi 53 minuta biex kellha bidu ideali.

Jabeur, li nhar it-Tnejn telgħet għat-tieni l-ogħla livell tal-karriera fir-rankings dinjija, waslet sal-kwarti-finali f’Wimbledon is-sena l-oħra, meta eliminat lil Venus Williams u Garbine Muguruza qabel sfat megħluba min-numru wieħed tad-dinja, Iga Swiatek.

Hija daħlet f’dan it-tournament f’forma mill-aqwa, wara li rebħet l-Open tal-Ġermanja aktar kmieni dan ix-xahar.

L-adoloxxenti Britannika, Emma Radu­canu, kellha bidu tajjeb meta għelbet lill- Belġjana, Alison Van Uytvanck f’żewġ sets, 6-4, 6-4.

Riżultati oħra tal-ewwel round:

IRĠIEL 

Aleandro Davidovic Fokina (Spanja) v Hubert Hurkacz (Polonja) 7-6 (7-4 6-4 5-7 7-6 (10-8); Ugo Humbert (Franza) v Tomas Martin Etcheverry (Arġentina) 6-3 3-6 4-6 6-3 6-4; Maximilian Marterer (Ġermanja) v Aljaz Bedene (Slovenja) 4-6 7-5 6-4 7-5; Jaume Munar (Spanja) v Thiago Monteiro (Brażil) 6-2 6-4 7-5; Adrian Mannarino (Franza) v Max Purcell (Awstralja) 6-3 7-6 (7-0) 4-6 4-6 6-4; Nikoloz Basilashvili (Georgia) v Lukas Rosol (Rep Ċeka) 6-7 (4-7) 7-6 (8-6) 3-6 6-3 6-3)

NISA

Anhelina Kalinina (Ukrajna) v Anna Bondar (Ungerija) 4-6 6-2 6-4; Alison Riske (US) v Ylena InAlbon () 6-2 6-4; Maja Chawlinska (Polonja) v Katerina Siniakova (Rep. Ċeka) 6-0 7-5; Lesia Tsurenko (Ukrajna) v Jodie Burrage (Britannja) 6-2, 6-3.

Sport