Is-seed numru 3, Casper Ruud tan-Norveġja, ġie eliminat mill-Franċiż Ugo Humbert fit-tieni round tat-tournament ta’ Wimbledon, filwaqt li ċ-champion renjanti, Novak Djokovic, avvanza b’mod faċli.
Ruud, li kien finalista fil-French Open aktar kmieni dan ix-xahar, kien megħlub 3-6 6-2 7-5 6-4 minn Humbert, li wasal fil-court mingħajr rakketta.
Tlieta mill-’biċċiet vitali’ tat-tagħmir tat-tennis malajr twasslu fil-court numru tnejn u Humbert għamel użu tajjeb minnhom.
Intant l-aqwa seed Djokovic, għeleb lil Thanasi Kokkinakis 6-1 6-4 6-2 meta s-Serb ta’ 35 sena qed jimmira li jirbaħ ir-raba’ titlu konsekuttiv f’SW19, fejn huwa diġá rebħu sitt darbiet.
Djokovic ferm superjuri, 20 darba rebbieħ ta’ tournaments maġġuri b’kollox, kien f’forma tajba kontra l-Awstraljan numru 79 fid-dinja fuq is-Center Court.
Fir-round li jmiss Djokovic se jilgħab kontra l-kompatrijott tiegħu, Miomir Kecmanovic li għeleb liċ-Ċilen, Alejandro Tabilo, f’erba’ sets, 7-6 (7-4) 7-6 (7-3) 3-6 6-3.
Kokkinakis għamel bidu promettenti hekk kif rebaħ il-punt tal-ftuħ tal-partita fuq is-service tal-favorit għat-titlu Djokovic b’laqta delikata minn fuq ix-xibka.
Iżda kull ħjiel ta’ sorpriża malajr ġie mwarrab minn Djokovic, li inizjalment tħabat għar-ritmu fil-logħba tiegħu tal-ewwel round kontra Kwon Soon-woo qabel ma daħal f’erba’ sets.
Wara dik il-partita, Djokovic qal li l-possibbiltà li ma jitħalliex jikkontesta Grand Slam ieħor għal 11-il xahar minħabba l-istatus ta’ tilqim tiegħu kienet qed isservi bħala “motivazzjoni” f’Wimbledon din is-sena.
Il-Britanniku Cameron Norrie, kiseb rebħa fuq ħames sets meta elimina lill-Ispanjol Jaume Munar bil-punteġġ ta’ 6-3 3-6 5-7 6-0 6-2, fejn wara li beda minn fuq kellu jirkupra meta sab ruħu 2-1 minn taħt.
Iżda l-Britanniku l-ieħor, Ryan Peniston, kellu fortuna differenti meta ltaqa’ kontra l-Amerikan Steve Johnson li għelbu 6-3 6-2 6-4.
RADUCANU ELIMINATA
Ir-rebbieħa tal-US Open 2021, il-Brittanika Emma Raducanu, ġiet eliminata meta ltaqgħet kontra l-Franċiża ta’ 28 sena, Caroline Garcia, bil-punteġġ ta’ 6-3 6-3 f’siegħa u 26 minuta.
Anett Kontaviet tal-Estonja kisbet rebħa f’żewġ sets kontra l-Ġermaniża, Jule Niemeier, 6-4 6-0, waqt li l-konfront kollu Ċek bejn Karolina Pliskova u Tereza Martincova xaqleb lejn tal-ewwel li rebħet 7-6 (7-1) 7-5.
Il-Belġjana Greet Minnen ħolqot sorpriża meta eliminat lill-Ispanjola, Garbine Muguruza, 6-4 6-0. Anke l-Ġermaniża Angelique Kerber kompliet tavvanza meta għelbet lill-Pollakka Magda Linette f’żewġ sets identiċi, 6-3 6-3.
Il-konfront kollu Ukren ra lil Lesia Tsurenko tegħleb lil Anhelina Kalinina 3-6 6-4 6-3 waqt li l-Britannika Harriet Dart eliminat lill-Ispanjola Rebeka Masarova, 6-1 6-4.