Tuesday, May 14, 2024

Bħal-lum 20 sena ilu l-Brażil rebħu t-Tazza tad-Dinja għall-ħames darba

Aqra wkoll

Il-finali tat-Tazza tad-Dinja tal- FIFA tal-2002 kienet l-aħħar partita tas-17-il edizzjoni tal-kompetizzjoni għat-timijiet nazzjonali tal-football. Il-logħba saret fit-30 ta’ Ġunju, 2002, bħal-lum 20 sena bil-ġurnata, fl-International Stadium ta’ Yokohama, il-Ġappun, bil-protagonisti jkunu l-Ġermanja u l-Brażil.

It-tournament kien jinkludi lill- ospiti l-Ġappun u l-Korea t’Isfel, ir-rebbieħa kurrenti Franza, u 29 team ieħor li ħarġu mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni, organizzati mis-sitt konfederazzjonijiet tal-FIFA.

Il-finali saret quddiem 69,029 partitarju, b’madwar 1.5 biljuni jsegwu fuq it-televiżjoni, u kienet ikkontrollata mit-Taljan, Pierluigi Collina.

Wara li l-ewwel taqsima għalqet mingħajr goals, il-Brażil marru fil-vantaġġ permezz ta’ Ronaldo fis-67 minuta, meta skorja wara dak li l-goalkeeper Ġermaniż, Oliver Kahn, sejjaħlu “l-uniku żball tiegħu fil-finali”.

Il-Brażil kabbru l-vantaġġ 12-il minuta wara meta Kleberson ġera lejn il-kaxxa l-kbira Ġermaniża qabel għadda lejn Rivaldo li ħalla l-ballun jgħaddi minn bejn saqajh u jasal għand Ronaldo, li ħa l-ballun lid-difensur Ġermaniż, Gerald Asamoah, qabel spara l-ballun fir-rokna t’isfel tax-xibka ta’ Kahn, biex għamel l-iskor finali 2–0.

Ir-rebħa tat lill-Brażil il-ħames titlu tat-Tazza tad-Dinja, li jibqa’ rekord sal-lum, waħda iktar mill-Ġermanja u l-Italja. Ronaldo ġie magħ­żul bħala l-player tal-logħba, filwaqt li Kahn ingħata l-Ballun tad-Deheb bħala l-Player Eċċellenti tat-tournament.

Il-coach tal-Brażil, Luiz Felipe Scolari, esprima “il-ferħ li nkunu nafu li għamilna xogħlna”, filwaqt li sostna li din kienet “mimlija xogħol iebes ħafna”. Il-kontroparti Ġermaniż tiegħu, Rudi Voller, qal, “Ovvament, meta titlef logħba, id- diżappunt ikun kbir. Iżda mhux tal-mistħija li titlef kontra team bħall-Brażil.”

KIF WASLU SAL-FINALI

Il-Brażil lagħbu fi Grupp C bl-ewwel logħba tkun kontra t-Turkija li għelbuhom 2-1 għalkemm dawn tawhom ħasda meta eżatt qabel il-mistrieħ Hasan Sas poġġihom fil-vantaġġ. Iżda fit-tieni taqsima Ronaldo kiseb id-draw fil-50 minuta u fis-86 minuta l-Brażil ingħataw penalty għal foul ta’ Alpay Ozalan li minnu Rivaldo skorja l-goal tar-reb­ħa. B’hekk Ozalan sar it-tieni player imkeċċi tat-Torok wara li aktar qabel kien Hakan Unsal li messitu l-istess xorti.

Il-logħba ta’ wara kienet iktar faċli għal Brażil meta għelbu lill-Korea t’Isfel 4-0 b’goals minn Roberto Carlos, Rivaldo, Ronaldinho u Ronaldo jew aħjar “l-erba’ rrejiet”.

Fl-aħħar logħba tal-grupp il-Brażil għelbu lil Costa Rica 5-2 b’goals minn Ronaldo 2, Edmilson, Rivaldo u Junior, biex spiċċaw l-ewwel b’punti massimi.

Fl-aħħar 16 huma għelbu lill-Bel­ġju 2-0 b’goals minn Rivaldo u Ro­naldo biex għaddew għall-kwarti-finali fejn għelbu lill-Ingilterra 2-1. Kien Michael Owen li poġġa lill-Ingliżi minn fuq fit-23 minuta, iżda Ronaldinho kiseb id-draw qabel il- mistrieħ minn free-kick u seba’ minuti wara ġie muri l-karta l-ħamra biex tilef is-semi-finali.

Fis-semi-finali l-Brażil reġgħu ltaqgħu mat-Turkija u għelbuhom 1-0 b’goal ta’ Ronaldo fid-49 minuta.

Il-Ġermanja lagħbu fi Grupp E fejn fl-ewwel logħba għelbu lis-Sawdi Arabja bl-iskor kbir ta’ 8-0 fejn Miroslav Klose skorja hat-trick u kien wieħed minn sitt players li niż­żlu isimhom fost l-iskorers bl-oħ­rajn ikunu Michael Ballack, Carsten Jancker, Thomas Linke, Oliver Bierhoff u Bernd Schneider.

Fit-tieni logħba l-avversarji kienu l-Irlanda ta’ Mick McCarthy li kien involut f’tilwima mal-kontroversjali Roy Keane li anke bagħtu d-dar kmieni fit-tournament.

Kien Klose li poġġa lill-Ġermanja minn fuq iżda Robbie Keane kiseb id-draw eżatt mal-mistrieħ li żvolġa l-uniku goal li sofra t-team ta’ Rudi Voller fit-triqithom lejn il-finali kontra l-Brażil, minkejja li kellhom lil Carsten Ramelow jiġi mkeċċi.

Fl-aħħar logħba l-Ġermaniżi rie­du rebħa biex jispiċċaw l-ewwel fil-grupp u din ma naqsitx meta għelbu lill-Kamerun 2-0 b’goals minn Marco Bode u Klose, il-ħames wieħed tiegħu tat-tournament.

Fl-aħħar 16, il-Ġermaniżi ffaċċjaw lill-Paragway, li spiċċaw it-tieni fi Grupp B fejn wara li ma sar l-ebda goal fl-ewwel taqsima, kien Bierhoff li sab ix-xibka fit-88 minuta.

Imbagħad fil-kwarti-finali huma ltaqgħu kontra team ieħor mhux iffansjat li jirbaħ it-tazza, l-Istati Uniti, u lilhom ukoll għelbuhom 1-0. Iżda din id-darba l-goal ġie aktar kmieni fit-38 minuta minn Ballack.

L-avversarji tal-Ġermaniżi fis- semi-finali kienu wieħed mill-ko-ospiti, il-Korea t’Isfel, u anke hawn huma straħu fuq goal li wasal tard fil-logħba bħal ma kien il-każ kontra l-Paragwaj.

Dan ġie minn Ballack li sab ix-xib­ka mir-rebound wara li l-goalkeeper Korean kien salvalu x-xutt inizjali. Huwa kien ġie ammonit erba’ minuti qabel ma skorja għal foul u wara ddobba karta safra oħra li kienet tfisser li se jitlef il-finali

Kif lagħbu ż-żewġ timijiet:

Brażil: Marcos, Lucio, Edmilson, Roque Junior, Cafu (captain), Gilberto Silva, Kleberson, Roberto Carlos, Ronaldinho (Juninho Paulista 85), Rivaldo, Ronaldo (Denilson 90) – Coach: Luiz Felipe Scolari.

Ġermanja: Oliver Kahn (captain), Thomas Linke, Carsten Ramelow, Christoph Metzelder, Torsten Frings, Dietmar Hamann, Jens Jeremies (Gerald Asamoah 77), Marco Bode (Christian Ziege 84), Bernd Schneider, Miroslav Klose (Oliver Bierhoff 74), Oliver Neuville – Coach: Rudi Voller.

Referee: Pierluigi Collina (Italja)

Sport