Saturday, December 21, 2024

Windsurf: Lesti jisfidaw lil Manowieck!

Aqra wkoll

Eku tar-rebħa eċċezzjonali ta’ Kamil Manowiecki (Polonja), fl-Enemed Malta-Sicily Windsurf Crossing – Edizzjoni tal-40 Anniversarju (1982-2022) li saret is-sena l-oħra f’Mejju, għadhom masparixxewx hekk kif bdew jidħru  sinjali potenzjali ta’ sfida għal dan ir-rekord.

Dan kien żvelat minn Wilfred Sultana, Organizzatur Ġenerali u oriġinatur tal-Avveniment 40 sena ilu, meta ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemed Kevin Chircop ippreżenta lill-windsurfer Pollakk Ċertifikat ta’ Mertu, biex jafferma l-kisba tiegħu.

Dakinhar, Kamil Manowiecki ta’ għoxrin sena qasam il-54.8 mil nawtiku minn Valletta (Malta) sa Pozzallo (Sqallija) fl-Aħjar Ħin Reġistrat ta’2 sigħat 13 minuta (133 minuta)


L-erba’ parteċipanti l-oħra fl-Avveniment Kommemorattiv, u l-Ħin Reġistrat tagħhom tal-ġurnata, kienu Karl Miggiani (età 24) 2 sigħat 45 minuta, Tom Zammit Tabona (28) 3 sigħat 33 minuta, Shaun Miggiani (21) 3 sigħat 51 minuta, u Paul Ellul (59) 6 sigħat 17 minuta.

Dan il-ħin rekord notevoli jkompli jsaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ dan l-avveniment leġġendarju, diġà rikonoxxut bħala l-‘itwal tiġrija tal-windsurf f’fażi waħda fid-dinja,” li fl-edizzjonijiet tiegħu ta’ snin li għaddew ra parteċipanti u rebbieħa bħal John Van Der Starre (Olanda), Paco Wirz (Italja), Stefan Verwisch (Belġju), André Hauschke (Ġermanja), Frank Luneteau (Franza), Boet Brinkreue (Lussemburgu), Dick Hoekastra (Olanda)  u r-rebbieħ tal-Midalja tad-Deheb fl-Olimpjadi tal-1988 Bruce Kendall (New Zealand). Ma’ dawn l-ismijiet wieħed irid iżid it-trio tal-windsurf Malti Paul Ellul, Peter Bonello u r-rebbieħ tal-ewwel Tiġrija tal-1984 Jean Paul Fleri Soler, li lkoll għandhom konnessjoni speċjali mal-Avveniment.

Il-ħin rekord stabbilit minn Jean Paul Fleri Soler bħala rebbieħ tal-ewwel Tiġrija tal-Windsurf Malta-Sqallija fl-1984 kien ta’ 5 sigħat 56 min 35 sek, rekord li qatt ma kien aħjar f’għaxar edizzjonijiet tat-tellieqa. 31 sena wara fl-2015 Paul Ellul, wieħed miż-żewġ windsurfers fuq l-ewwel windsurf crossing minn Sqallija għal Malta fl-1982, tejjeb dan ir-rekord fuq ‘sole crossing’ fejn kopri d-distanza f’4 sigħat 47 minuta 35 sekonda. Pozzallo kien dejjem il-bidu jew it-tmiem tal-avveniment fi Sqallija.

L-Enemed Malta-Sicily Windsurf Crossing – Edizzjoni Kommemorattiva tal-40 Anniversarju (1982-2022), ġiet organizzata minn Wishbone Windsurfing Promotions bil-kooperazzjoni tal-Malta Young Sailors Club u l-appoġġ loġistiku rilevanti f’Pozzallo tal-Lega Navale Italiana (Sezione di Pozzallo) .

L-Avveniment Kommemorattiv sar taħt il-patroċinju tal-Comune di Pozzallo Sqallija, bl-Enemed bħala l-“Official Fuels Partner” kif ukoll bħal ‘title sponsors’. L-Imsieħba Uffiċjali l-oħra tal-Avveniment kienu GasanMamo Insurance, S&D Yachts, Blye, Medcomms Marine Electronic, Cisk, u Roland Marina. Kontribut sinjifikanti ghas-success tal-avveniment inghata mis-sidien/skippers tal-jottijiet u ‘fast ribs’ li jiffurmaw il-flotta ta’ appoġġ. L-Avveniment sar ukoll bl-appogg u r-rikonoxximent validu tal-Għaqda Ġurnalisti Sport.

Titlu għar-ritratt:


Kamil Manowiecki Pollakk ta’ għoxrin sena jirċievi Ċertifikat ta’ Mertu biex jafferma l-kisba tiegħu tal-Aħjar Ħin Reġistrat – 2 sigħat 13 minuta (133 minuta) – mingħand iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemed Kevin Chircop. Preżenti għal din il-preżentazzjoni kien hemm ukoll (fuq il-lemin)  Jeffrey Poulton, Safety & Navigation Officer tal-flotta ta’ appoġġ u (fuq ix-xellug)  Wilfred Sultana, Organizzatur Ġenerali. (Ritratt – Vince Piscopo)

Ekonomija

Sport