Tuesday, April 30, 2024

SILVIO BERLUSCONI

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Fit-12 ta’ Ġunju li għadda miet Silvio Berlusconi fl-għomor ta’ 86 sena. Berlusconi huwa l-politiku Taljan li l-aktar dam iservi bħala l-Prim Ministru tal-Italja. Minkejja li ħajtu kienet iddominata minn skandli ta’ kull xorta, matul ħajtu huwa sar wieħed mill-aktar persuni sinjuri madwar id-dinja. Minbarra l-flus kollha li rnexxielu jiġġenera matul hajtu, wieħed ma jistax ma jistgħaġibx kif prattikament kulma kien imiss kien isir deheb. Fuq quddiem tal-kisbiet ewlenin ta’ Silvio Berlusconi kien hemm il-fatt li fi ftit aktar minn sena, huwa kien ifforma partit politiku ġdid lura fl-1992, u mix-xejn huwa rnexxielu appuntu fi żmien sena jsir il-prim ministru tal-Italja. Naturalment, dan kollu kien iffaċilitat bl-imperu fil-mass media li kien bena qabel il-bidu tal-karriera politika tiegħu l-istess Berlusconi. Dan l-imperu fil-mass media għenu wkoll mhux ftit sabiex itawwal il-karriera politika tiegħu ghal tletin sena minkejja l-attakki kontinwi fuqu.

Karriera mibnija fuq fondi dubjużi

Silvio Berlusconi jħobb jirrakkonta kif huwa ġab l-ewwel fondi għall-ewwel proġett kbir tiegħu li kien jikkonsisti f’bini ta’ mijiet ta’ appartamenti ġewwa Milan, proġett li kien ingħata l-isem ta’ Milano Due. Skont Berlusconi huwa kien ġabar numru kbir ta’ familjari tiegħu taparsi jridu jixtru numru ta’ appartamenti mill-Milano Due sabiex jikkonvinċi xi investituri sabiex jinvestu fil-Milano Due, iżda l-investituri indunaw li kien qiegħed iqarraq. Skont Berlusconi huwa ma qatgħax qalbu u wara li sseduċa lis-segratarja tal-investituri huwa rnexxielu jerġa’ jiltaqa’ ‘b’kumbinazzjoni’ magħhom u kkonvinċihom sabiex jinvestu.

Però, matul is-snin, permezz ta’ mijiet ta’ inkjesti ġurnalistiċi li saru, qamu ħafna dubji rigward minn fejn ġew il-fondi għall-ewwel progetti ta’ Berlusconi. Minkejja li Berlusconi jħobb jiftaħar li huwa beda mix-xejn, ir-realtà hija li huwa kien l-iben ta’ bankier rinomat Taljan, bankier li kien addirittura l-proprjetarju ta’ bank.

Allura, Silvio Berlusconi kellu bir bla qiegħ ta’ fondi b’interessi baxxi li żgur tawh vantaġġ kbir fuq il-kompetituri tiegħu. Ta’ min jgħid li fuq il-bank ta’ missieru kien hemm ħafna xnigħat li dan kien jintuża ħafna minn għaqdiet kriminali fosthom il-Mafia sabiex jaħslu l-flus li jkunu daħlu l-aktar mit-traffikar tad-droga.

Berlusconi u l-Mafja

Minbarra din l-allegazzjoni li l-maġġoranza tal-flus li ffinanzjaw il-proġetti ta’ Berlusconi, inkluż it-twaqqif tal-istazzjonijiet tat-televiżjoni, kienu ġejjin mill-ħasil tal-flus tal-Mafja, matul il-karriera tiegħu, Berlusconi kien kemm-il darba ġie akkużat, anke quddiem il-qrati, li kellu assoċjazzjoni mall-Mafja Siċiljana. Fil-fatt, ġewwa l-Italja jingħad li l-Forza Italia, l-partit li waqqaf Berlusconi fl-1992 u li għalih diġà għamilna referenza aktar ‘il fuq, ġie iffurmat bl-għajnuna tal-Mafja sabiex jiehu post il-Partit Demokristjan, partit li kien magħruf ghall-assoċjazzjoni tiegħu mal-Mafja, wara li dan kien sfaxxa wara l-iskandli politiċi li kienu laqtu l-Italja dik il-ħabta.

Ta’ min jgħid li Berlusconi kellu l-ardir li jimpjega boss Mafjuż ġewwa daru sabiex jeħodlu ħsieb iż-żwiemel. Barra minnhekk, Marcello Dell’Utri, politiku Sqalli li fforma lill-Forza Italja ma’ Berlusconi kien weħel seba’ snin ħabs wara li nstab ħati ta’ assoċjazzjoni Mafjuża.

Daħal fil-politika bla paraventu?

Wieħed mill-aktar maġistrati li kien ippersegwita lil Berlusconi kien Antonio Di Pietro. Minn meta Berlusconi kien ħabbar li kien sejjer jidħol fil-politika, Di Pietro kien qal li dan kien qiegħed jagħmel dan il-pass sabiex jeħles mill-id tal-ġustizzja.

Ħafna inkjesti ġurnalistiċi li saru matul iż-żmien jagħtu ragun lil Di Pietro. Fil-fatt, dawn sabu li matul l-itwal perjodu li fih serva bħala Prim Ministru, jiġifieri dak bejn l-2001 u l-2006, Berlusconi ħadem mhux ftit sabiex idaħħal liġijiet li bihom huwa kien aġevolat fil-pataflun ta’ ġurijiet li huwa għadda minnhom matul is-snin.

Jingħad li huwa daħħal ukoll ħafna liġijiet li aġevolawlu mhux ftit in-negozji tiegħu.

Arroganti imma qrib in-nies

Berlusconi kien kemm-il darba għamel atti jew dikjarazzjonijiet li kienu ħallew lill-ġurnalisti ċċassati. Huwa kien jiftaħar li minkejja li kellu aktar minn 20 dar lussuża madwar id-dinja, minflok kien joqgħod igawdihom, huwa kien jippreferi joqgħod idur ġewwa l-pjazez jiltaqa man-nies u joqgħod jiċċajta man-nies komuni.

Huwa kemm-il darba kien arroganti għall-aħħar ma’ politiċi barranin. Pereżempju darba waħda ġewwa l-Parlament Ewropew, Berlusconi għajjar lil Martin Sholtz, politiku Ġermaniż, li kellu wiċċ ta’ Nażista. Lil Angela Merkel, il-kanċillier Ġermaniż u d-de factum mexxejja tal-Unjoni Ewropeja kien ħallieha tistennieh f’nofs ta’ triq għaliex ċempillu t-telefon.

Skandli

Silvio Berlusconi kien magħruf bħala ammiratur tan-nisa sbieħ. Fil-fatt it-tieni mara tiegħu, l-attrici Veronica Lario, kienet talbet għad-divorzju wara li kien ħareġ fil-media li Silvio Berlusconi kien qiegħed ikun ma’ tfajliet żgħar. Però, minkejja dan, il-maġġoranza tal-poplu Taljan kien baqa’ jħobb lil Berlusconi.

Il-futur tal-Forza Italia u l-gvern Taljan

Il-mewt ta’ Berlusconi jaf taġevola bil-kbir lil Giorgia Meloni minħabba li issa ma għandiex dak il-politiku mimli skandli bħalma kien Berlusconi fl-alleanza li hija qiegħda tmexxi. Barra minn hekk, ġewwa l-Italja huwa sigriet magħruf li Berlusconi qatt ma aċċetta kompletament li huwa ma kienx il-mexxej ta’ din l-alleanza. Berlusconi kemm-il darba kien imbarazza lil Meloni b’dikjarazzjonijiet bħal meta qal li huwa ħabib ta’ Putin.

Minkejja li l-mewt ta’ Berlusconi taf issaħħaħ lill-gvern, mhux l-istess jista’ jingħad għall-futur tal-Forza Italia. Żgur li mhijiex ta’ inkoraġġiment id-dikjarazzjoni ta’ Gianfranco Micciche’, eks ministru f’wieħed mill-gvernijiet ta’ Berlusconi li qal li ‘bil-mewt ta’ Silvio, ġiet fi tmiemha wkoll il-ħajja tal-Forza Italia’. Minkejja ta’ din id-dikjarazzjoni, gewwa l-Italja l-media qiegħda tirrapporta li fost is-suċċessuri possibbli ta’ Berlusconi fit-tmexxija tal-Forza Italia hemm Marta Fascina, li kienet ukoll il-partner ta’ Berlusconi u jingħad li anke żżewgitu u Antonio Tajani, l-eks Kummissarju Ewropew u eks President tal-Parlament Ewropew li bhalissa qiegħed iservi bħala l-Ministru tal-Affarijiet Barranin fil-gvern ta’ Meloni u li huwa wkoll il-Deputat Prim Ministru Taljan.

Minkejja li l-opinjoni tan-nies tvarja fil-konfront tal-ħajja ta’ Berlusconi, li huwa ċert huwa li dan il-personaġġ sejjer jibqa’ mfakkar bħala ġenju fid-dinja tan-negozju u wieħed mill-akbar manuvratur politiku li qatt dehra fl-isfera tal-politika Ewropea.

Sport