Sunday, December 22, 2024

Wirja li tiċċelebra x-xogħlijiet ta’ Charlie Fava … wieħed mill-pijunieri fil-foto-ġurnaliżmu sportiv Malti 

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-Banca Giuratale fl-Imdina, infetħet uffiċjalment wirja li qiegħda tiċċelebra wħud mix-xogħlijiet ta’ Karmenu “Charlie” Fava, wieħed mill-pijunieri fil-foto-ġurnaliżmu sportiv Malti. Wirja li hija maqsuma f’erba’ taqsimiet – is-snin Eġizzjani, is-sensiela sportivi Maltin, Fava ma’ atleti u dinjitarji sportivi, u Malta u l-Maltin. 

Il-ġibda ta’ Fava lejn il-fotografija tista’ tgħid bdiet meta kien għadu daqsxejn ta’ tifel, meta missieru kien tah l-ewwel magna tar-ritratti. Dak li segwa kienu 60 sena ta’ ħidma attiva fil-fotografija, fejn ġibed eluf kbar ta’ ritratti b’mudelli differenti ta’ kameras suċċessivi u aġġornati mat-teknoloġija tal-ġurnata. 

Lura fl-1963, Fava kien ġie mħajjar mill-ġurnalista Remiġ Sacco biex jibda jieħu ritratti b’temi sportivi sabiex jiġu ppubbikati f’Il-Ħelsien, gazzetta tal-Partit Laburista, u aktar tard fil-gazzetti u r-rivisti tal-Union Press fosthom L-Orizzont, Malta News, It-Torċa, Sprtin u Sports Magazine. 

Apparti l-fotografija sportiva, Fava kellu passjoni għall-wirt storiku Malti u fl-istess perjodu beda jiddokumenta, kemm fuq pellikola tal-35mm u anke fuq slides bil-kulur, il-kappelli rural żgħar mferrxin madwar Malta, il-fortifikazzjonijiet tal-Kavallieri, is-swar tal-ibliet Maltin, il-bereġ u l-palazzi tal-Belt Valletta, l-arloġġi tax-xemx u s-siti arkeoloġiċi fost oħrajn.

Fl-inawgurazzjoni ta’ din il-wirja, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li bis-saħħa ta’ Charlie Fava nistgħu niffokaw fuq l-assoċjazzjonijiet nazzjonali sportivi li huma fost l-eqdem fl-Ewropa. “Dawn huma esperjenzi kbar li juru dan il-legat kbir. L-isport huwa mera tas-soċjetà. Għandna pajjiż li huwa mimli memorji mill-isbaħ,” qal il-Ministru Bonnici.

Fil-kummenti tiegħu, Raymond Fava – iben Charlie Fava – qal li jinsabu onorati li din il-kollezzjoni tinsab taħt kustodja tajba u se titgawda mill-poplu Malti u li l-legat storiku permezz tal-fotografija tiegħu se tibqa’ bħala parti mill-memorja kollettiva tagħhom.

Il-kuratur ta’ din il-wirja huwa Dott. Steve Borg. Huwa sawwar din il-kollezzjoni sħiħa minn Lulju 2020 ‘il quddiem bl-għajnuna kontinwa ta’ Raymond Fava. Illum din il-kollezzjoni tinsab indukrata fl-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta. 

Fava ħalla din id-dinja fit-22 ta’ Frar tal-2009, fl-età ta’ 92 sena. 

Ekonomija

Sport