Saturday, May 18, 2024

Wirja qalbiena mhux biżżejjed għall-Maltin … nispiċċaw fl-14-il post

Aqra wkoll

Ġermanja…………14

Malta………….…….11

(3-3, 3-1, 3-5, 5-2)

Fl-aħħar impenn għat-team nazzjonali Malti tal-waterpolo fil-Kampjonati Ewropej u f’dik li kienet il-finali għat-13 u l-14-il psost, huwa safa megħlub bl-iskor ta’ 14-11 mill-Ġermanja. Madankollu, ta’ min ifaħħar il-wirja ferm qalbiena tal-Maltin li  żammew il-pass mal-avversarji għall-partita kollha fejn saħansitra daħlu għar-raba’ u l-aħħar sessjoni f’paritá. B’hekk pajjiżna temm fl-14-il post f’dawn il-kampjonati li huwa riżultat storiku għal pajjiżna.

Ta’ nota huwa l-fatt li din kienet l-aħħar partita għall-captain Matthew Zammit bil-kappa ta’ pajjiżna, biex sentejn oħra l-captain mistenni jkun il-player ta’ Sliema, Dino Zammit, li kellu partita mill-aqwa hekk kif irreġistra xejn inqas minn ħames goals.

L-ewwel sessjoni pproduċiet xejn inqas minn sitt goals hekk kif din intemmet fi draw ta’ 3-3, bil-goals għall-Maltin jaslu minn Ben Plumpton, Liam Galea u Dino Zammit. Dan sabiex Philipp Dolff, Lukas Kueppers u Denis Strelezkli wiegbu ghall-Geranizi.

Fit-tieni sessjoni, il-Ġermanja wettqet reazzjoni tajba u ħarġet rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1, bl-iskorers għalihom ikunu Mateo Cuk, Lukas Kueppers u Mark Gansen. Dino Zammit skorja l-uniku goal għal pajjiżna.   

Madankollu, il-Maltin ma rmemx ix-xugaman anzi rebħu t-tielet sessjoni b’punteġġ ta’ 5-3, bl-awturi tal-goals għalihom ikunu Jamie Gambin, Dino Zammit (2), il-captain Matthew Zammit u Jeremy Abela. Fynn Schuetze rreġistra hat-trick personali għall-Ġermaniżi.

Kollox kellu jiġi deċiż fir-raba’ u l-aħħar sessjoni, bil-Ġermaniżi joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 5-2, fejn għalihom irnexxielhom iniżżlu isimhom fuq il-lista tal-iskorers il-players Philip Dolff, Denis Strelezkli, Lukas Kueppers, Maurice Juegling u Mark Gansen. Dino Zammit u Matthew Zammit irrispondew għal pajjiżna.

Ta’ nota huwa l-fatt li lejn nofs din is-sessjoni tkeċċa l-coach Montenegrin tal-Ġermanja, Petar Porobic, minħabba xi rimarki li għadda fil-konfront tar-referee Portugiż, Enrico Silva.

Lejn l-aħħar tal-partita nqalgħu xi battibekki fl-ilma fejn għal pajjiżna tkeċċew permezz ta’ karta ħamra diretta, il-players Liam Galea u Dino Zammit.

Ġermanja: 1-Moritz Schenkel, 2-Zoran Bozic, 3-Ferdinand Korbel, 4-Mateo Cuk (1), 5-Fynn Schuetze (3), 6-Maurice Juengling (1), 7-Denis Strelezkli (2), 8-Lukas Kueppers (3), 9-Marko Stamm, 10-Philipp Dolff (2), 11-Philip Kubisch, 12-Mark Gansen (2), 13-Kevin Goetz Coach: Petar Porobic

Malta: 1-Jake Tanti, 2-Sam Gialanze, 3-Andreas Galea, 4-Jamie Gambin (1), 5-Darren Zammit, 6-Matthew Zammit (2), 7-Ben Plumpton (1), 8-Nicholas Bugelli, 9-Jeremy Abela (1), 10-Nikolai Zammit, 11-Liam Galea (1), 12-Dino Zammit (5), 13-Nicky Grixti Coach: Karl Izzo

Referees: Enrico Silva (Portugall), Robert Horvath (Slovakkja)

Sport