Saturday, December 21, 2024

Wirja ta’ ritratti f’Bieb il-Belt relatati maż-żjarat tal-papiet f’Malta

Aqra wkoll

Fid-daħla tal-Belt Valletta bħalissa għaddejja wirja b’ritratti tal-vjaġġi appostoliċi f’Malta mill-Papiet fis-snin li għaddew. Din qed issir bi tħejjija għaż-żjara fostna mill-Papa Franġisku nhar is-Sibt u l-Ħadd li ġej.

Ir-ritratti, li jmorru lura għall-1990 meta l-Papa San Ġwann Pawlu II qal li “L-Ewropa teħtieġ ix-xhieda fidila ta’ Malta”, huma akkumpanjati minn frażijiet ewlenin li l-Papiet qalu matul iż-żjarat tagħhom f’Malta.

Ritratt: Kurja

Il-Papa Franġisku se jkun it-tielet Papa li jżur Malta. Il-Papa San Ġwann Pawlu II kien ġie darbtejn — fl-1990, u fl-2001 meta għamel tliet Maltin beati, fosthom lil Ġorġ Preca, li mbagħad ġie ddikjarat qaddis fl-2007 — waqt li l-Papa Benedittu XVI kien ġie Malta fl-2010.

Ir-ritratti magħżula jorbtu wkoll mat-tema tal-vjaġġ appostoliku tal-Papa Franġisku f’Malta: “Ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” — meħuda minn kapitlu 28 tal-Atti tal-Appostli, u li tenfasizza l-qagħda tal-migranti li qed jaqsmu l-Mediterran lejn l-Ewropa, kif ukoll tippromwovi x-xandir tal-Kelma tal-Mulej fil-pajjiż.

It-tema tfakkar ukoll fil-merħba mill-qalb li l-Maltin taw lil San Pawl fis-sena 60 Q.K., meta l-vapur li kien fuqu tfarrak u sab ruħu fuq il-Gżejjer Maltin. It-tema għandha sinifikat akbar bl-influssi riċenti ta’ migranti Ukreni lejn l-Ewropa.

Waqt li jkun Malta, il-Papa Franġisku se jżur Għawdex, jitlob fil-Grotta ta’ San Pawl, jiċċelebra quddiesa fuq il-Fosos tal-Furjana u jżur il-Laboratorju tal-Paċi f’Ħal Far li jilqa’ l-migranti.

Il-wirja qed tittella’ mill-Arċidjoċesi ta’ Malta bl-appoġġ tal-Gvern Malti.

Ekonomija

Sport