Tuesday, January 14, 2025

WISQ OBBLIGI SOĊJALI?

Aqra wkoll

Kurjuża r-reazzjoni fil-Kungress Amerikan għall-idea li fisser il-President li daqt isir, Trump biex il-pajjiżi tal-Punent iżidu l-ispiża tagħhom fuq difiża militari għal 5 fil-mija tal-ekonomija. (Lanqas l-Istati Uniti mhuma jilħqu dil-mira; jinsabu sew taħtha.)

Membri tal-Kungress qiesu l-proposta ta’ Trump bħala twissija oħra lill-istati Ewropej biex ikunu lesti jħallsu aktar għad-difiża tal-interessi tagħhom, mhux jibqgħu jisparpaljaw il-flus fuq ħlasijiet u obbligi soċjali.

Nammira kemm nammira lill-Istati Uniti (mill-perspettiva tal-Partit Demokratiku) u nikkritika kemm nikkritika l-Unjoni Ewropea bħala forza federalista li trid tlibbes l-istess żarbun lil kulħadd, m’għandix dubju li l-aqwa kisba tal-Ewropa (u li l-Istati Uniti ma għarfux iwettqu) tinsab preċiżament fil-kunsens li ġabet bejn l-aqwa forzi politiċi tagħha għal għaqda li tpoġġi s-solidarjetà soċjali fost il-popli bħala waħda mill-aqwa prioritajiet. J’alla dil-priorità ma titħalliex tixxellef, u dan f’isem il-militariżmu.

MINISTERU GĦAL GĦAWDEX

Qamet għajta stramba dan l-aħħar fil-medja dwar kemm il-ministeru għal Għawdex sar wisq qawwi. Interessanti li wieħed jinvestiga kif qamet. Għax fil-fatt, veru li mill-perspettiva lokali Għawdxija min imexxi l-ministeru għandu saħħa politika ċara f’patrunaġġ u fil-kontroll ta’ xogħlijiet li jkunu għaddejja.

Biss fir-realtà, il-ministeru għal Għawdex tħaddem l-aktar bħala kunsill lokali glorifikat. Bl-ebda mod ma affettwa matul is-snin l-għażliet strateġici għal Għawdex li saru minn Malta, apparti forsi mit-tħaddim ta’ buzz words u slogans politiċi.

L-għażliet strateġiċi kollha baqgħu pendenti. Rajna ċ-ċaqlembuti fl-oqsma tat-trasport bl-ajru u bil-baħar. Il-mistoqsija miftuħa dwar fejn se jitpoġġew il-qrati tal-gżira. Il-konfużjoni dejjem għaddejja dwar x’għandu jsir mill-binjiet tal-iskejjel. It-taħwida ta’ Chambrai. Il-persentaġġ dejjem jikber ta’ art tal-biedja li mhijiex tintuża aktar. Il-qerda kważi totali tal-industrija Għawdxija, li dejjem kienet fraġili, wara li Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea. Il-falliment ta’ proġetti biex jistabilixxu lil Għawdex bħala destinazzjoni turistika separata minn Għawdex. Sadattant in-nefqa infrastrutturali baqgħet dgħajfa ħlief f’ċerti każi strambi.

POLITIKA DWAR TCNS

Il-proposti li l-gvern qed iressaq ’il quddiem għal regolamenti ġodda dwar kif jiġu ngaġġati l-ħaddiema li jaslu minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea (imsejħa TCNs) huma raġunati, siewja u jagħtu xhieda ta’ rispett sħiħ tal-ġustizzja soċjali. Fuq kollox lejn ħaddiema barranin li ta’ spiss ma jsibux ħarsien adekwat minn esplojtazzjoni massiċċa. Biex tagħqad, ħafna Maltin iwaħħlu fitg-TCNs (li m’għandhom x’jaqsmu xejn) għall-elf problema li jiltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum.

Wieħed jittama li fil-ġimgħat li ġejjin, dak li l-gvern qed jipproponi, miżjud bil-kummenti pożittivi li se jkun irċieva mill-publiku, jidħol fis-seħħ u jitwettaq b’kull qawwa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport