Friday, August 22, 2025

Xahrejn ħabs sospiżi wara li seraq portmoni ta’ mara minn lukanda

Aqra wkoll

Francesco Ruotolo, Taljan ta’ 21 sena li kien qiegħed iżur pajjiżna ġie kkundannat xahrejn ħabs sospiżi għal 3 snin wara li ammetta li seraq pormtmoni ta’ mara minn lukanda f’Tas-Sliema.

Hu ammetta quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia li wettaq dan ir-reat fil-15 ta’ Awwissu li għadda mill-Windsor Hotel.

L-Ispettur Elton Buckingham qal li l-imputat tressaq il-Qorti wara li l-investigaturi raw kameras tas-sigurtà, u hu deher dieħel fil-kamra tal-lukanda fejn kien qed joqgħod bil-portmoni f’idu.

Kemm il-prosekuzzjoni u anke d-difiża qalu li ż-żagħżugħ wettaq dan ir-reat “frott il-blugħa taż-żgħożija” u li ddispjaċih ħafna għal dak li wettaq.

Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat Marse-Ann Farrugia qalet li għalkemm il-portmoni kien fih biss €35 huwa qatt ma offra lill-vittma li jagħtihomlha lura.

Qalet ukoll li għalkemm dan mhux ammont kbir jibqa’ l-fatt li dan kien inkonvenjent għall-vittma għax trid terġa’ tagħmel il-karta tal-identità, il-karti tal-kreditu u ċ-ċwievet tad-dar li l-akkużat qal li ma jafx fejn rema.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport