Sunday, November 10, 2024

X’aktarx li t-tiġrif tal-ajruplan Boeing 737 kien intenzjonat

Aqra wkoll

Informazzjoni miġbura qiegħda tindika li l-ajruplan tal-Linja tal-Ajru taċ-Ċina ġie mwaqqa’ intenzjonalment hekk kif hemm indikazzjoni li dan iġġarraf b’nose-dive.

Rapporti li dehru fuq il-midja tal-Istati Uniti qed jgħidu li l-investi­gaturi għadhom ma identifikaw l-ebda ħsara mekkanika jew teknika fl-ajruplan li ġġarraf f’Marzu li għadda, u b’hekk qiegħda tiżviluppa t-teorija li dan l-inċident seta’ kien wieħed intenzjonat. 

L-ajruplan Boeing 737-800 kien qiegħed jivvjaġġa bejn il-bliet ta’ Kunming u Guangzhou fin-Nofsinhar taċ-Ċina, meta għal xi raġuni ġġarraf. Il-132 passiġġier u l-membri tal-ekwipaġġ abbord kollha tilfu ħajjithom. 

Sorsi li tkellmu mal-ġurnal Wall Street Journal – li kien l-ewwel li rrapporta din l-istorja – qalu li, “l-ajruplan għamel dak li ordnalu xi ħadd mill-kabina tal-pilota”. Ir-rapport ikompli jgħid li l-informazzjoni miġbura minn waħda mill-kaxxi s-suwed li nsabet fuq il-post tal-inċident tissuġġerixxi li mill-kontrolli tal-kabina, l-ajruplan “ġie ordnat” biex jagħmel inżul kważi vertikali. L-aġenzija tal-aħbarijiet ABC News, li kkwotat sorsi qrib l-investigazzjoni, ukoll irrapportat li hemm suspetti li dan seta’ kien att intenzjonat. 

Iktar kmieni il-Linja tal-Ajru Ċiniża kienet qalet li t-tliet piloti abbord kienu kollha kwalifikati u fi stat ta’ saħħa tajba. F’kumment ieħor, l-istess linja tal-ajru kienet qalet li ma hemm l-ebda indikazzjoni li wieħed mill-piloti kellu xi problemi finanzjarji. 

Intant min-naħa tagħhom l-investigaturi qalu li huma għadhom għaddejjin bl-analiżi tal-informazzjoni li nġabret minn fuq il-post tal-inċident. Huma qalu li qed iwettqu din l-investigazzjoni b’mod xjentifiku u rigoruż ħafna. 

Sport