Saturday, December 21, 2024

“Xandara inkwetati b’tibdil fil-PBS” – Alfred Fabri

Aqra wkoll

L-iskeda l-ġdida tax-xandir pubbliku mistennija tibda f’Ottubru fejn hemm tibdil fil-programmi kemm tar-radjijiet u l-istazzjonijiet televiżivi nazzjonali. Alfred Fabri, xandar magħruf tkellem ma’ Talk.mt fejn qed jilmetna li hu jħoss li hu  u kollegi oħra ġew litteralment abbandunati u allegatament qegħdin ikunu trattati bla dinjità minħabba li ma jafu xejn dwar l-iskeda l-ġdida tant li se jibbojkotjawha.

Fabri qal li huwa qiegħed jitkellem mhux biss f’ismu, iżda f’isem ix-xandara xandir pubbliku (XXP) li qegħdin isibu ruħhom f’diffikultajiet kbar minħabba tibdil u indħil fl-iskeda. Għadd ta’ impjegati li għal snin twal ilhom jaħdmu mal-PBS, allegatament spiċċaw f’sitwazzjoni ħażina ferm minħabba tibdil għar-radjijiet nazzjonali – Radju Malta 1 u Radju Malta 2.

Dan ix-xandar magħruf fost l-oħrajn għall-klassifika mużikali “L-Aqwa 20 f’Malta”, li wkoll jingħad li se tinqata’ mill-iskeda l-ġdida, qal lil dan is-sit li hu jemmen li  ma jagħmilx sens li ħatru persuna waħda biex tkun responsabbli għal tliet stazzjonijiet..

“Tagħmilx hekk u tagħmilx hekk. Aħna mhux qegħdin naċċettaw dawn l-affarijiet” kompla Fabri. Huwa qal li f’din is-sitwazzjoni hemm għadd ta’ xandara popolari u maħbuba mill-Maltin kollha għax jagħtu kontribut ta’ klassi bħala xandara u anke bħala kontributuri f’ġurnali lokali.

Fost l-affarijiet li qegħdin jinbidlu fil-PBS, Fabri semma’ dik li x-xogħol qabel kien qiegħed jiġri rrekordjat mid-dar u jxandruh minn hemm stess. “Issa taħt din it-tmexxija l-ġdida, kulħadd ġie mitlub biex ikun fuq il-post tax-xogħol u aħna mhux se naċċettaw,” kompla Fabri.

Huwa qal li din hija sitwazzjoni inaċċettabbli u spjega li saru laqgħat mal-Ministeru u mal-uffiċċju tal-Prim Ministru iżda għadhom bla risposta. Alfred Fabri sostna li, “aħna ġurnalisti. Inkopru kollox, ibda bil-Eurovision u spiċċa sa elezzjoni. Kollox kien miexi sew iżda minn xahrejn, tlieta ilu, inbidel kollox. Jien li ili f’dan ix-xogħol għal aktar minn 40 sena qiegħed nara li l-affarijiet mhux qed jagħmlu sew”.

Fabri qal li kliemu ġejjin minn snin ta’ esperjenza u li s-sitwazzjoni mhux biss qiegħda taffettwa lix-xandara tar-radju nazzjonali imma anke dawk tat-televiżjoni. “Jien kont immexxi radju u qabel kont nista’ nitkellem. Kien ikollna l-affarijiet meħtieġa biex naħdmu u stajna nużaw kollox. Inħoss li  issa fil-PBS hemm telqa totali u ħerba sħiħa. Hemm programmi li qegħdin jitwaqqfu fosthom ‘L-Aqwa 20 f’Malta’. Bażikament hemm ħafna nies irrabjati u jien mhux se nwaqqafha. Din hija nazzjonali, għandha l-appoġġ tal-pubbliku u se tkun ippubblikata,” sostna Fabri.

Huwa temm jgħid li bħala xandara kemmnu li l-iskeda l-ġdida għandha tiġi riveduta u dan anke jekk ifisser li tkun posposta għal xahar wara mid-data li suppost oriġinarjament tibda.

Ekonomija

Sport