Monday, May 13, 2024

Imut Guido Lanfranco – għalliem, kittieb u folklorista

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Guido Lanfranco, għalliem, kittieb u folklorista, miet fl-età ta’ 90 sena. 

Lanfranco kien jgħallem f’De La Salle College, il-Birgu (1949–1950) u diversi skejjel primarji tal-gvern (1950–1964) u sekondarji u tekniċi f’Malta u Għawdex, bis-suġġetti tax-xjenza, bijoloġija, u ġografija, u fl-iskejjel ta’ filgħaxija tal-gvern għall-bijoloġija avvanzata (1966–1979), kif ukoll filgħaxijiet f’St. Edward’s College (1968–1970). 

Huwa kien lecturer f’St. Michael’s College of Education għall-għalliema (1966–1973) fejn għallem metodi għat-tagħlim tax-xjenza u l-istudji soċjali. Għallem ukoll il-bijoloġija avvanzata fl-Upper Secondary School Valletta, li wara saret in-New Lyceum G.F. Abela l-Imsida (issa l-Junior College) (1973–1978) fejn laħaq kap tad-Dipartiment tal-Bijoloġija u Assistant Kap tal-iskola (1980) minn fejn irtira fl-1991.

Fost il-kotba pubblikati tiegħu hemm: Guide to the Flora of Malta (1955, 1960); Maltese Mammals (1969); Field Guide to The Wild Flowers of Malta (1969, 1977); Complete Guide to The Fishes of Malta (1958, 1965, 1974); Il-Ħut Madwar Malta – The Fish Around Malta (2009); Duwa u Semm fil-Ħxejjex Maltin (1975); The Fish Around Malta (1993, 1996); Ħxejjex Mediċinali u Oħrajn (1993, 2000); L-Istorja tat-Trasport F’Malta (1999,2002); L-Istatwi Titulari u l-Istatwarji Tagħhom (1999); Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin (2001 (darbtejn), 2002, 2012); Mediċina Popolari tal-Imgħoddi fil-Gżejjer Maltin (2001); Xogħol, Ġaħġiħ u Snajja’ li Spiċċaw (2002, 2003); Ħajjitna fl-Imgħoddi (2004); Folklor, ġabra ta’ kitbiet minn membri tal-Għaqda Maltija tal-Folklor (edit.) (2004); Drawwiet u Ħajja mill-Istorja ta’ Malta (2005); Logħob, Taqbil u Ġugarelli tat-Tfal Maltin (2006); Malta: Bejn Storja u Drawwa (2007); Nagħrfu l-Leġġendi Maltin (2008); Fjuri Slavaġ Maltin (2007); Ċajt bil-Limerikki (2008); Il-Ħut Madwar Malta / The Fish Around Malta (2009); Żwieġ, Twelid u Mewt… Drawwiet u Tradizzjonijiet (2011). Minbarra dawn għandu diversi kitbiet ma’ awturi oħra bħal: Red Data Book for The Matese Islands (1989), Flora u Fawna Ta’ Malta (1995 ), Wildlife of the Maltese Islands (1996, 2002), Mosta The Heart of Malta (1996), Naxxar, a Village and its People (2000), Ex Annalibus Mustae (2005), Ħaż-Żebbuġ, Storja, Memorja u Identità (2006), Il-Flora Maltija (2003), Ġojjin (kotba tal-iskola), eċċ.

Huwa ngħata diversi premjijiet mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (fosthom l-ewwel, it-tieni u speċjali) f’diversi okkażjonijiet, kif ukoll l-ewwel premju Poeżija bil-Malti tal-Għaqda Poeti Maltin u l-Kummissjoni Ambjent tad-Djoċesi (it-tnejn 2007). Ingħata wkoll Medalja tal-Bronż tal-Mertu mill-Konfederazzjoni tal-Kunsilli Ċiviċi (1968) u l-Medalja Għall-Qadi tar-Repubblika (M.Q.R.) (1996).

Sport