Spanja intant tirreġistra 849 imwiet kaġun tal-coronavirus
In-numru ta’ mwiet fl-Italja f’dawn l-aħħar 24 siegħa telgħu bi 837 biex issa t-total tal-vittmi jammonta għal 12,428. Madankollu hemm xaqq ta’ tama, hekk kif in-numru ta’ każi ġodda fil-Lombardija rreġsitraw tnaqqis.
Iż-żieda fl-imwiet kienet reġistrata hekk kif il-pajjiż żied il-lockdown sal-Għid, hekk kif il-kriżi tal-Covid-19 tkompli tiddomina.
Intant illum kienu reġistrati 4,053 każ ġdid. Dan huwa simili ferm għal dak reġistrat ilbieraħ meta b’kollox kien hemm 4,050 każ ġdid. In-numru kumplessiv tal-persuni infettati bil-coronavirus fil-pajjiż tela’ għal 105,792.
L-imwiet fl-Italja jammontaw għal madwar 30% tal-fatalitajiet kollha tal-Covid-19. L-ogħla numru ta’ mwiet kien reġistrat nhar il-Ġimgħa li għadda, meta b’kollox mietu 919-il persuna.
Fi Spanja intant illum kienu reġistrati 849 imwiet, l-ogħla rata ta’ mwiet reġistrata s’issa mill-pajjiż. Dan wassal biex in-numru ta’ mwiet fil-pajjiż issa laħaq it-8,189.