Monday, December 23, 2024

Xavi Hernandez se jibqa’ ma’ Barcelona

Aqra wkoll

Il-coach ta’ Barcelona, Xavi Hernandez, se jibqa’ jmexxi l-club sa mill-inqas it-tmiem tal-kuntratt tiegħu f’Ġunju tal-2025 wara li biddel fehemtu li dan ikun l-aħħar staġun tiegħu fin-Nou Camp.

Xavi, ta’ 44 sena, f’Jannar ħabbar li se jwarrab mill-kariga ta’ coach dan is-sajf.

Iżda, bil-president Joan Laporta ħerqan li jibqa’ magħhom, l-eks midfielder ta’ Barcelona u Spanja għamel U-turn.

Xavi ħa l-inkarigu f’Novembru 2021 wara li ħalla lill-club Qatari, Al Sadd, u mexxa lil Barca għat-titlu Spanjol fl-ewwel staġun sħiħ tiegħu responsabbli fl-2022-23.

Madankollu, huma jinsabu 11-il punt taħt il-leaders ta’ La Liga, Real Madrid, b’sitt logħbiet oħra għat-tmiem tal-kampjonat.

Barcelona sfaw eliminati miċ-Cham­pions League l-ġimgħa li għaddiet wara telfa fil-kwarti-finali minn Paris St-Germain.

Xavi, li rebaħ 25 unur waqt karriera brillanti bħala player ma’ Barcelona, kien qal li ħassu “ħieles” wara t-tħabbira li kien se jwarrab mill-irwol fi tmiem l-istaġun.

Meta ħabbar li kien se jitlaq wara telfa kontra Villarreal, huwa ħass li ma kienx qed jiġi protett mill-club u ma kienx hemm direzzjoni ċara.

Iżda minn dak il-mument, meta Xavi ħassu kapaċi jieħu approċċ aktar rilassat, ir-riżultati tat-team tjiebu.

Huma kellhom sensiela ta’ 10 logħbiet mingħajr telfa fil-kampjonat qabel tilfu 3-2 kontra Real Madrid, nhar il-Ħadd li għadda.

Nhar l-Erbgħa saret laqgħa fid-dar ta’ Laporta u l-pressjoni mill-club biex jibqa’ kie­net ovvja.

Jekk Xavi ma jkunx jista’ jtejjeb it-team sa tmiem l-istaġun 2024-25, Barcelona se jfittxu li jipperswadu lil wieħed mill-coaches ta’ profil għoli li jintemmilhom il-kuntratt dak iż-żmien – inklużi Pep Guardiola, Luis Enrique u Mikel Arteta.

Ekonomija

Sport