Fil-Qorti, kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda, b’rabta mal-qtil doppju fil-Baħrija, fil-limiti tal-Kunċizzjoni, li ħasad ħajjet Dennis Mifsud u Anthony Agius.
Xehdet l-Ispettur Cheyenne Mangion, fejn spjegat li matul l-interrogazzjoni l-akkużat Carmelo Ciantar, magħruf bħala d-Durga ammetta għal diversi drabi għal qtil doppju.
L-Ispettur Mangion spjegat kif mal-Pulizija, Ciantar kien qalilhom li hu kien maħbub ħafna fil-familja tiegħu iżda ġiet ċirkostanza li ddiskrevha bħala “deffes denbu d-diimonju u nbidel kollox”. Jirriżulta li lil Pulizija qallhom li dan l-aħħar kien qed ikollu xi ġlied mal-membri tal-familja, iżda l-iktar ġlied kien qed ikun bejn Ciantar innifsu u bejn is-sieħba tiegħu.
Meta Ciantar kien mistoqsi mill-Pulizija x’ħass wara l-qtil doppju li qed jiġi mixli bih, dan qalilhom “xejn ma ħassejt”. Qalet ukoll li huwa biddel fehemtu sagħtejn wara għax fi kliemu qal li l-ġenna tal-art kienet id-dar. L-Ispettur Mangion qalet ukoll li d-Durga qalilhom li “fis-saħna tad-demm tagħmel kollox”.
Fil-Qorti, ħareġ ukoll li s-senter li uża Ciantar biex wettaq ir-reat kien ilu għandu u li l-aħħar li wżah kien f’April. Ingħad ukoll li mal-Pulizija, id-Durga ammetta wkoll li wara li kien “lest kollox” qabbad kamra qrib ix-xena tar-reat b’lighter u bid-diesel għax ried li ħadd ma jgawdi minn dawk li fi kliemu kienu l-affarijiet tiegħu.
Fost ix-xhieda preżenti, xehed ukoll Gary Scerri, mill-Iskwadra tal-Omiċidji fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Hu xehed dwar l-arrest tad-Durga. Qal li mal-Puliziija, Ciantar iddikjara li vittma minnhom qatlu billi tah tir ġo rasu u li lil vittma l-ieħor tah ttiir bilwieqfa u tnejn mal-art.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Anthony Vella u Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, u mill-Ispetturi Kurt Colombo Zahra, Wayne Camilleri u Cheyenne Mangion.
Ciantar għandu jiddefenduh lill-Avukati Franco Debono, Francesca Zarb, Adreana Zammit u Anthea Bonnici Zammit. L-Avukati Mario u Nicholas Mifsud qed jidhru għall-qraba ta’ Anthony Agius, u l-Avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri u David Chetcuti Dimech qed jidhru għall-qraba ta’ Dennis Mifsud.