Saturday, December 14, 2024

XEJRIET POŻITTIVI FIR-RATA TAL-QGĦAD

Aqra wkoll

Ir-rata pożittiva tal-impjiegi hi fattur ewlieni fit-tkabbir ekonomiku ta’ kull pajjiż. Il-ħolqien tal-impjiegi ġodda huwa riflessjoni tal-fiduċja li l-investituri barranin u lokali jkollhom fl-andament politiku u ekonomiku tal-pajjiż. Malta ilha għal bosta xhur b’rata ta’ qgħad stabbli li huwa ferm inqas minn stati oħra fl-Unjoni Ewropea partikolarment mill-medja taż-żona Ewro.

L-aħħar stħarriġ li sar mill-Eurostat għax-xahar ta’ Mejju kkonferma li Malta għadha t-tielet pajjiż bl-inqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Dan ifisser ukoll vantaġġ għall-pajjiż billi hemm inqas nies jiddependi fuq l-għajnuna soċjali. 

B’sodisfazzjon ninnutaw li l-miżuri li ħa l-Gvern partikolarment is-sussidju fuq l-enerġija u għajnuniet oħra lin-negozji qed iħallu l-frott mixtieq f’sens li r-rata ta’ qgħad tibqa’ waħda stabbli. Fil-fehma tagħna, is-settur tal-impjiegi wera l-għaqal tal-Gvern Laburista li jinċentiva lin-negozji u anke lill-ħaddiema kif għamel waqt il-pandemija tal-Covid-19. 

Illum il-ġurnata, ħadd ma jista jiċħad li l-avvanzi kbar ekonomiċi u soċjali kollha li laħaq pajjiżna nkisbu sforz ħidma sfiqa li kienet ibbażata fuq numru bla preċedent ta’ inċentivi fiskali li l-għan tagħhom kien imsejjes fuq il-ġustizzja soċjali; fuq il-ġlieda kontra l-faqar li tirriżulta min-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol u mpjieg għall-ħaddiema.

Hawn ta’ min jinnota li minkejja ż-żieda fl-impjiegi, għad għandna sitwazzjonijiet fejn ħaddiema għadhom sfruttati b’pagi miżeri. Għaldaqstant nemmnu li biex jinqered ix-xogħol prekarju, dawn is-sitwazzjonijiet għandhom jiġu indirizzati flimkien bejn il-unjins u min iħaddem. Dan ninsistuh għaliex f’dinja ta’ xogħol ġdida li qed nesperjenzaw, huwa importanti li ħadd ma jitħalla lura. Dan jista’ jsir biss jekk l-impjiegi joffru ħajja diċenti. 

Fuq kollox, għandna għax nifhmu li l-prospetti f’dan il-qasam huma sbieħ, anke fid-dawl li t-tkabbir ekonomiku huwa mistenni li jibqa’ b’saħħtu matul is-snin li ġejjin u saħansitra se jaqbeż it-tkabbir previst għal din is-sena. 

Ekonomija

Sport