“Bil-miżuri li ttieħdu, Malta rat tnaqqis tal-konsum tal-materjal domestiku li jispiċċa parti mill-iskart muniċipali. Rajna żieda fejn jidħol ir-riċiklaġġ. Dan kollu kumplimentat b’miżuri ambizzjużi għall-enerġija rinovabbli, l-espansjoni u l-immodernizzar tal-infrastruttura tal-elettriku fejn anke hawn wasslu għal diversi riżultati pożittivi u l-miżuri għenu biex Malta jkollha riżultat pożittiv anke fil-kwalità tal-ilma tax-xorb. Dawn ix-xejriet pożittivi jirriflettu l-impenn tal-Gvern favur l-iżvilupp sostenibbli.”
Iddikjarat dan il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli fil-winding up tad-diskussjoni parlamentari b’rabta mar-rapport annwali dwar l-iżvilupp sostenibbli għas-sena 2023.
Il-Ministru Dalli saħqet li l-indikaturi jenfasizzaw il-ħtieġa għal aktar azzjoni, b’rispons għall-isfidi globali b’mod partikolari l-kriżi klimatika, l-inugwaljanzi soċjali u d-diġitalizzazzjoni. Hawn qalet li dan huwa Gvern kommess li jisma, li jkompli jaħdem u fuq kollox ikompli jwettaq.
“Nemmen li kollha kemm aħna nistgħu noħorġu b’soluzzjonijiet li jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ kuljum. Irridu niżguraw li l-pass tal-iżvilupp preżenti jinżamm stabbli u anke jitkattar mingħajr ma joħnoq l-opportunitajiet għall-ġenerazzjonijiet futuri,” enfasizzat il-Ministru Dalli.
Dwar il-proġett tat-tieni interconnector, hija semmiet kif il-ġimgħa li għaddiet, il-Gvern Malti u l-kumpanija Norveġiża Nexans AS iffirmaw il-kuntratt għall-manifattura u l-installazzjoni tal-cable ta’ taħt il-baħar.
B’rabta mal-investiment li sar fl-aħħar snin mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), il-Ministru Dalli qalet li dan l-investiment wassal biex it-togħma tal-ilma tal-vit madwar Malta u Għawdex tkun l-istess fil-lokalitajiet kollha.
“Wara t-titjib li sar mill-WSC illum għandna l-ima tal-vit f’Malta li qed ikompli jaqbeż l-istandards Ewropej l-aktar stretti f’dak li jirrigwadja s-sigurtà u t-togħma. It-titjib li sar fil-provvista nazzjonali tal-ilma jinkludi:
- Tnaqqis ta’ 30% fil-livelli tal-chlorides u l-chlorine;
- ‘Il fuq minn 70% tal-provvista li issa ġejja mir-reverse osmosis;
- Għandna żona waħda unifikata ta’ kwalità tal-ilma għal togħma li hija konsistenti fil-lokalitajiet kollha
- Għandna għotja ta’ 60% li qed nagħtu lin-nies, sa massimu ta’ 100 ewro għall-activated carbon filters għad-djar.
Dan huwa l-pjan tagħna tal-ilma. Dan huwa r-riżultat tal-investimenti li qed nagħmlu,” tenniet il-Ministru Dalli.
Hija qalet ukoll li l-benesseri tal-bniedem u tas-soċjetajiet reżiljenti jiddependu fuq ambjent b’saħħtu u ekosistemi li jiffunzjonaw. F’dan ir-rigward, il-Gvern kompla jagħti prijorità lill-konservazzjoni u l-għarfien ambjentali inkluż ukoll l-effiċjenza fl-użu ta’ riżorsi naturali, fosthom il-konsum, il-produzzjoni sostenibbli kif ukoll rimi ta’ skart b’mod responsabbli. Fil-fatt, qegħdin jittieħdu deċiżjonijiet importanti u kuraġġużi fl-immaniġġjar tal-iskart.
“Filwaqt li nirrikonoxxu l-progress li sar f’kull qasam nemmen li għandna numru ta’ oqsma fejn pajjiżna jista’ jagħmel ħafna iktar. Il-mira hi li nkomplu navvanzaw ’il quddiem bil-ħiliet u d-determinazzjoni ta’ kulħadd.
“Għalhekk qed naħdmu biex il-prinċipji ta’ sotenibbiltà jkunu integrati fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Nisħaq fuq l-importanza li kollha kemm aħna naħdmu id f’id sabiex nersqu aktar lejn żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali li huwa sostenibbli sabiex mhux biss inkunu naħdmu fejn ħallejna imma nkunu preparati sew għall-isfidi tal-futur,” temmet tgħid il-Ministru Dalli.