Saturday, December 21, 2024

XEJRIET XEJN FELIĊI FL-EKONOMIJA GLOBALI

Aqra wkoll

L-inflazzjoni, il-qgħad, u n-nuqqas ta’ tkabbir ekonomiku dejjem kienu tliet problemi li kull Ministru tal-Finanzi ta’ kull pajjiż ikun irid jevita akkost ta’ kollox. Madanakollu, li jkollok il-qgħad, u forsi nuqqas ta’ tkabbir waħidhom, huwa ferm inkwetanti aktar minn meta jkollok l-inflazzjoni magħġuna magħhom.


L-inflazzjoni, jew dik li nsejħulha l-għoli tal-ħajja, ifisser li l-valur tal-flus ikun qiegħed jonqos, u dan jiġi minħabba jew li l-prodotti jogħlew, inkella minħabba li d-domanda tan-nies togħla b’mod konsiderevoli. Bħalissa, fid-dinja qegħdin naraw naqra mit-tnejn, b’diversi nies iridu issa jikkonsmaw aktar wara l-pandemija, filwaqt li ċertu prodotti għolew ukoll minħabba problemi ta’ loġistika, il-gwerra fl-Ukrajna fost l-oħrajn, u anke kwistjonijiet oħrajn.


Meta jkollok ekonomija fejn it-tkabbir u r-rata t’impjiegi jibdew ibattu, il-Gvernijiet jistgħu jinvestu aktar fin-nies tagħhom, u jonfqu aktar biex jevitaw riċessjonijiet, inkella biex joħorġu minnhom. L-Amerka, dan sar b’mod effettiv ħafna taħt Franklin D. Roosevelt fis-snin tletin u erbgħin biex il-pajjiż ħareġ mill-hekk imsejħa “Great Depression”. 


Madanakollu, meta żżid l-infieq b’mod konsiderevoli, trid toqgħod attent ukoll, għaliex żieda t’infieq twassal għal żieda ta’ domanda, li mbagħad jaf tgħollilek il-prezzijiet. Għaldaqstant imbagħad, meta l-ħajja tibda togħla, li jiġri hu li ħafna drabi l-banek ċentrali jgħollu r-rata t’interess sabiex kemm l-aċċess għall-finanzi jonqos, u dan iwassal biex anqas nies jieħdu self li jkunu jistgħu jinvestuh. Allura, b’dan il-mod, it-tkabbir ekonomiku jiġi mtaffi, biex id-domanda tonqos u l-ħajja ma tgħoliex.


Fi kliem ieħor, l-ekonomija bħal binja li trid tibniha, imma trid tibniha b’mod sostenibbli u kif suppost … għax jekk tgħaġġel iżżejjed malajr tispiċċa tibqa’ nieżla mal-ewwel xokk. Għaldaqstant, il-bilanċ dejjem huwa importanti f’dan ir-rigward. Il-problema hija li jaf ikollok problemi esterni li dan il-bilanċ mhux biss ikissruh, imma jistgħu ukoll jibdlulek il-logħba kompletament.

Meta jkollok prezzijiet ta’ ċertu affarijiet li jogħlew f’daqqa, dak jissejjaħ “supply-side shock”, u ħafna drabi jiġi minħabba problemi li ħadd ma jkollu kontroll tagħhom. Il-gwerra fl-Ukrajna hija eżempju ċar ta’ dan. Irrid ngħid, li jekk ikollok domanda kbira min-nies, u jekk il-prezzijiet tal-affarijiet jogħlew minħabba problemi esterni, mela allura l-inflazzjoni ser togħla b’mod konsiderevoli. Biex l-inflazzjoni tissolva, irid li jkun hemm anqas aċċess għall-finanzi, jiġifieri anqas infieq, u rati t’interess għola, ħalli d-domanda terġa tiġi f’posta. Il-problema tiġi hawn: li meta l-infieq jonqos b’mod konsiderevoli, ma trid xejn tidħol f’riċessjoni li twassal għal żieda fil-qgħad, li umbagħad twassal biex ikollok dik li tissejjaħ “stagflation” fejn ikollok nuqqas ta’ tkabbir, qgħad u inflazzjoni f’daqqa. L-Amerka, hekk kellhom fis-snin sebgħin, u batew ħafna biex ħarġu minnha, għaliex kellhom jimplimentaw miżuri li ma kienu popolari xejn.

Naturalment, biex wieħed jevita li jaqa’ fi problema ta’ stagflation, irid jara li xokkijiet xokkijiet esterni jilqa’ għalihom mill-ewwel, sabiex ma’ jħallix il-prezzijiet għoljin ta’ barra jaffettwaw l-ekonomija domestika. Hekk qed jagħmel il-Gvern Malti billi żamm il-prezzijiet tal-enerġija l-istess, u billi wkoll issusidja l-qamħ u l-ġwież.  

Madanakollu, l-aktar ħaġa importanti huwa li wieħed jiddiversifika minn fejn iġib il-prodotti. Fejn jidħol il-qamħ, jidher li l-bdiewa fil-Brażil qegħdin jaħżnu, ibigħu u jesportaw sa’ erba’ darbiet aktar qamħ mis-soltu. Jagħmlu tajjeb l-importaturi Maltin li jesploraw il-possibilitajiet ta’ kummerċ f’dan ir-rigward, speċjalment wara li aktar kmieni dan ix-xahar, tħabbar li Malta fetħet Ambaxxata fil-Brażil.

Ekonomija

Sport