Saturday, December 21, 2024

XENARJU TAL-POPOLAZZJONI

Aqra wkoll

Kulħadd jipprofessa li qed jiġru bidliet fondamentali fl-istruttura tal-popolazzjoni li tgħix f’Malta, bidliet li se jibqgħu sejrin fis-snin li ġejjin u li jaffettwaw sew il-karattru u l-identità tal-pajjiż.

Jidher li hemm qbil ukoll dwar ħtieġa li jkollna politika nazzjonali dwar kif għandna naffaċċjaw din l-isfida. Preferibbilment, politika ta’ din ix-xorta għandha ġġib warajha kunsens biex ma tispiċċax ballun politiku ieħor. Apparti minn kif jista’ jinġab dal-qbil, irid ikun hemm diġà kunsens dwar in-natura tal-problema.

L-ewwel pass f’din id-direzzjoni bil-fors irid ikun dak li tinbena stampa kemm jista’ jkun ċara ta’ kif qed tinbidel il-popolazzjoni u kif tista’ tkompli tinbidel skond it-toroq differenti li jistgħu jingħażlu biex jitwettaq l-iżvilupp fil-futur. Xenarju ta’ dat-tip m’għandux jinvolvi tqanqil politiku għax hu pjuttost tkeniku billi jagħti ħarsa lejn x’jista’ jiġri fis-soċjetà tagħna jekk isir hekk, jew mod ieħor.

Jinkwetani l-fatt li ma jidhirx li qed isir xi sforz biex jitħejjew dawn ix-xenarji possibbli tal-popolazzjoni tal-futur.

PREZZIJIET TAL-ART U TAL-BINI

Qed nibnu wisq lukandi. Qed nibnu wisq flattijiet. Qed nibnu wisq uffiċċji. Huma t-twissijiet li nisimgħu ta’ sikwit.

U veru għax kif jista’ jara kulħadd, il-bini m’hemmx li jaqta’. 

Fl-istess ħin, il-prezz biex tixtri propjetà, anki ċkejkna, jibqa’ tiela’. U l-istess il-prezz tal-kirjiet, għal żmien qasir jew tat-tul. Ħaġa li tkompli tinċentiva l-bini ta’ aktar lukandi, flattijiet u uffiċċji. Donna ninsabu fuq spirall li dejjem itella’ fil-prezz jew valur tal-bini, anke waqt li l-biża’ ta’ kraxx iwebbel it-twissijiet li jingħataw dwar hekk. Twissijiet dwar wisq bini rriżultaw ġustifikati anke għal superpotenza bħaċ-Ċina li qed taffaċċja kriżi enormi f’das-settur. Imma l-istess ħaġa qisha ma tapplikax għal Malta, stat “mikro”. X’inhu jiġri?

ĦELU ĦELU

Fl-aħħar snin, l-Unjoni Ewropea bdiet għaddejja minn bidla fil-mod ta’ tmexxija li se jkollha konsegwenzi fondamentali. Il-proċess li bih qed titmexxa dil-bidla dieħel ħelu ħelu (jekk dik hi espressjoni tajba) għax talanqas f’Malta ftit li xejn qed jissemma u ftit li xejn qed jingħata kas tiegħu. 

Il-bidla tikkonċerna kif l-Unjoni Ewropea qed tadotta politika ta’ sigurtà u difiża li (ma jistax ikun mod ieħor!) qed twassal biex lil hinn mill-inizjattivi ekonomiċi, soċjali, ambjentali u kulturali li kienet magħrufa għalihom sa ftit ta’ żmien ilu, tvara wkoll inizjattivi militari. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar it-ton u l-importanza ta’ dawn l-inizjattivi qed jissaħħaħ.

Iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin mhumiex jintebħu b’dan għax il-mezzi ewlenin tal-kumnikazzjoni u tal-gvern, ma jitkellmux dwar  hekk.

Ekonomija

Sport