Thursday, May 1, 2025

Xeni tal-mistħija mill-Italja… Faxxisti bis-salut f’Dongo u attivisti xellugin miżmuma mill-Pulizija

Aqra wkoll

Xeni tal-mistħija rajnihom proprju f’Jum il-Liberazzjoni tal-Italja f’Dongo. Dan huwa l-post li fih inġabru għadd ta’ attivisti faxxisti fl-Italja biex jikkomemoraw il-qtil tad-dittatur faxxista Taljan, Benito Mussolini u 15-il uffiċjal oħra. 

Kienu xeni skandalużi dawk li ġew iffilmjati u li fihom miġemgħa faxxista dehret mhux biss tfakkar mexxej faxxista imma anke għamlu s-salut faxxista quddiem l-istess Pulizija. Il-Pulizija preżenti spiċċaw jisseparaw lill-faxxisti minn attivisti kontra l-faxxiżmu li marru fuq il-post biex jiddefendu l-memorja ta’ marti partiġġjani. Ma setax jonqos li salut faxxista intala’ b’ċajt u l-kant tal-kanzunetta popolari “Bella Ciao”.

Il-Gvern Taljan huwa mmexxi minn Giorgia Meloni li fil-passat kienet għamlet dikjarazzjonijiet kontroversjali fejn iddefendiet lil Mussolini u ddeskrivietu bħala ‘politiku tajjeb u li dak li għamel għamlu għall-Italja”. Hija kienet attivista mal-Italian Social Movement li kien moviment iffurmat minn persuni li kienu jappoġġjaw lid-dittatur Mussolini. 

Attivisti jitolbu għad-denażifikazzjoni fl-Ewropa

Proprju fl-aħħar jiem il-Gvern Taljan, anke minħabba l-mewt ta’ Papa Franġisku, appella lill-attivisti xellugin u lill-unjins, biex juru kawtela fiċ-ċelebrazzjonijiet marbuta ma’ Jum il-Liberazzjoni. F’ħafna bliet il-marċi u l-avvenimenti ġew imħassra u xi baned intalbu joqogħdu lura milli jdoqqu innijiet ta’ reżistenza. F’dan kollu, kien hemm individwi li ġew identifikati talli wrew banners li jappoġġjaw l-antifaxxiżmu. 

Il-jum tat-28 ta’ April huwa mfakkar bħala dak li jum li fih uffiċjali faxxisti li kienu qegħdin jaħarbu ma’ Mussolini lejn l-Iżvizzera, inqabdu u inqatlu.

Diversi attivisti xellugin ikkritikaw bl-aħrax dak li seħħ u sejħu biex issir ħidma kontra id-denażifikazzjoni fl-Ewropa. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport