Koppja Ingliża tagħraf lill-akkużat fl-awla bħala dak li aggredihom u seraqhom
Koppja Ingliża rrakkontaw fil-Qorti kif nhar l-Erbgħa li għadda, waqt li kienu mexjin fi Triq Abate Rigord, Ta’ Xbiex, sfaw aggrediti minn raġel u serqilhom xi flus li kellhom fuqhom.
Huma taw ix-xhieda tagħhom meta aktar kmieni tressaq fil-Qorti Daniele Aquilina ta’ 27 sena mixli li wettaq ħames serqiet bejn it-30 ta’ Settembru u t-3 ta’ Ottubru.
Daniele kien arrestat wara li l-Pulizija mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri kienu analizzaw filmati ta’ kameras tas-sigurtà li hemm fl-inħawi u permezz tagħhom, identifikawh bħala l-persuna li allegatament wettaq dawn is-serqiet.
Huwa nstab fir-residenza tiegħu f’San Ġiljan u minn tfittxija li saret fl-istess residenza, il-Pulizija sabet ukoll sikkina li allegatament intużat f’dawn is-serqiet, ħwejjeġ li deher liebes fil-filmati tas-sigurtà u oġġetti oħra relatati.
L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, bil-Maġistrat Audrey Demicoli tisma’ x-xhieda tal-koppja billi se jitilqu minn Malta fil-jiem li ġejjin.
Steve John Barker ta’ 62 sena spjega li kienu għall-ħabta tal-11.30 p.m., meta waqt li kien miexi ma’ martu fi Triq Abate Rigord ħass lil xi ħadd jimbuttah minn wara u malli dar biex jara x’kien ġara, ra raġel iħares lejh li kien qed jipprova jieħu l-basket ta’ martu.
Huwa qal fil-mument tal-aggressjoni, martu waqgħet mal-art u sofriet xi ġrieħi. Qal ukoll li mbagħad huma ġew fl-idejn u kien hawn fejn qabad u tefa’ xi flus mal-art, madwar €95, biex jipprova jeħles minnu. L-allegat aggressur ġabar il-flus u telaq minn fuq il-post.
Xehdet ukoll martu Catherine ta’ 63 sena, li rrakkontat kif raġel kien imbutta lil żewġha u pprova jeħdilha l-basket li kellha fuqha. “Beda jheddidni. Ir-raġel tiegħi beda jgħidlu biex jitlaq ‘l hemm u mbagħad ġew fl-idejn. Kien tefagħlu wkoll xi €100 mal-art.”
Catherine żiedet tgħid li dak il-ħin hija bdiet tgħajjat ħafna u waqaf raġel biex jagħtihom l-ewwel għajnuna li mar jipprova jara jsibx lill-allegat aggressur. Qalet ukoll li kien hemm tfajla li rat l-inċident iseħħ u ftit tal-ħin wara ġew imsejħa l-pulizija.
Intant, il-koppja Barker għarfu lill-akkużat fl-awla bħala l-persuna li kien aggredihom.
Il-każ ikompli fis-16 ta’ Ottubru li ġej fil-11.00 a.m. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Jonathan Ransley mentri l-Avukat Matthew Xuereb deher għall-imputat.