Saturday, October 26, 2024

Xi jfisser in-nuqqas ta’ Rodri għal Manchester City

Aqra wkoll

Filwaqt li ċ-champions tal-Premier Lea­gue, Manchester City, għad iridu jikkonfermaw kemm se jdum barra l-midfielder internazzjonali Spanjol, Rodri (rit­ratt), wara li weġġa’ irkopptu fid-draw ta’ 2-2 tal-Ħadd kontra Arsenal – rapporti jissuġġerixxu li se jdum barra mill-azzjoni fit-tul.

Saħansitra hemm il-biżgħa li jista’ ma jerġax jirritorna dan l-istaġun.

It-Tnejn li għadda, huwa mar Spanja, eżattament fi klinka f’Barċellona, għal konsultazzjoni medika mill-ispeċjalista, Ramon Cugat, li eventwalment irid jo­pe­rah wara li qaċċat il-ligament tal-irkoppa f’daħla mad-difensur ta’ Asenal, Thomas Partey. 

Rodri, 28 sena, huwa wieħed mill-favoriti li jirbaħ il-Ballun tad-Deheb ix-xahar id-dieħel – mogħti lill-aqwa player tad-dinja – u meqjus minn ħafna bħala l-aktar player influwenti tas-City.

Iċ-champions renjanti Ingliżi ma tilfux fl-aħħar 48 partita tal-Premier League li fihom beda l-Ispanjol – li ġie onorat ukoll bħala l-aqwa player tat-tournament tal- Euro 2024 hekk kif għen lil pajjiżu jirbaħ dan l-unur tant prestiġjuż.

Iżda s-City tilfu erbgħa mill-ħames logħbiet li ma lagħabx fihom  fl-istaġun li għadda, b’Rodri jduq it-telfa darba biss fil-kompetiz­zjonijiet kollha – mhux inklużi l-penalties fil-kompetizzjoni taċ-Cham­pions League kontra Real Madrid u l-finali tal-FA Cup li huma tilfu  Manchester Uni­ted.

It-telfa tal-Ispanjol se  tinfluwenza l-isfida għat-titlu?

Wara li Rodri għamel id-debutt tiegħu f’Manchester City fil-Community Shield 2019 kontra Liverpool, sieħbu Kevin de Bruyne iddeskrivieh bħala l-“player perfett” għat-team.

Ma kienx żbaljat.

Minn mindu ngħaqad mas-Citizens mingħand Atletico Madrid, l-influwenza tal-midfielder ta’ Spanja kienet straordinarja, bis-City jitilfu biss 11% tal-logħob tagħhom bih fit-team meta mqabbel ma’ 24% mingħajru.

Il-medja ta’ punti għal kull logħba tas-City b’Rodri fit-team – għalkemm fil-kompetizzjonijiet kollha – hija ta’ 2.36. Mingħajr il-preżenza tiegħu, kienet biss 2.04.

Għalhekk, kieku Rodri kellu jitlef il-kumplament tal-istaġun tal-Premier League, bl-użu ta’ dawk il-medji, hija possibbiltá li Manchester City itemmu 80 punt, meta mqabbla ma’ 91 punt proġettati jekk huwa jilgħab kull ġimgħa.

Fi tlieta minn dawn l-aħħar erba’ staġuni, 91 punt kienu jkunu biżżejjed biex jintrebaħ il-kampjonat.

Madankollu, l-aħħar darba li team rebaħ il-kampjonat b’inqas 80 punt kien Manchester United fl-2010-11. Is-City, b’Ro­berto Mancini fit-tmun, spiċċaw it-tielet f’dak l-istaġun.

X’jagħmel lill-midfielder daqshekk importanti għaS-City?

Fi kliem sempliċi, l-irwol tiegħu huwa li jirbaħ  il-ballun lura mill-oppożizzjoni u mbagħad jgħaddih lil sħabu biex tinbena l-kostruzzjoni offensiva … hekk kif jagħmel dan bi preċiżjoni metronomika.

Sa mid-debutt tiegħu fir-rebħa ta’ 5-0 għand West Ham, il-midfielder ta’ Arsenal, Declan Rice, biss rebaħ il-pussess aktar spiss.

Ħadd ma rebaħ il-ballun lura aktar spiss fit-terz tan-nofs il-ground milli għamel Rodri, u seba’ players biss matul dak iż-żmien għamlu aktar tackles.

Il-qari tiegħu tal-logħba u n-natura kombattiva għamlu lil dan il-midfielder difensiv bħala l-aktar wieħed rispettat fid-dinja f’din il-pożizzjoni.

Fatt interessanti huwa li fil-260 partita li fihom kien preżenti, Manchester City żammew 73 clean sheets.

Madankollu, dak li verament jiddistingwih huwa kif juża l-ballun.

Minn mindu wasal fil-Premier League, Rodri għamel b’suċċess kważi 2,000 pas­ses aktar minn kwalunkwe player ieħor – filwaqt li t-total tiegħu huwa dak ta’ 13,699, fit-tieni post hemm id-difensur ta’ Brigh­ton, Lewis Dunk, li għandu total ta’ 11,952.

Huwa rreġistra wkoll aktar passes kemm fin-naħa tal-avversarji kif ukoll fl-aħħar terz, filwaqt li l-eżattezza tal-passes tiegħu ta’ 91.9% turi li rari jitlef jew iċedi l-ballun lill-avversarji minkejja li ħafna drabi l-az­zjonijiet tiegħu jkunu fiż-żona territorjali tal-avversarji.

It-tħassib tal-manager, Pep Guardiola, huwa liema se jkun dak il-player li jrid jimla post Rodri … bl-għażla taqa’ fuq it-tliet players, Mateo Kovacic, Ilkay Gundogan u Rico Lewis minkejja li huwa konxju mill-fatt li dan id-dipartiment se jiddgħajjef.

Sport