Wednesday, October 9, 2024

Kuntrattur jinżamm responsabbli għall-ġrieħi serji li sofra ibnu waqt xi xogħol f’sit ta’ kostruzzjoni

Aqra wkoll

Kuntrattur ta’ 48 sena nżamm responsabbli għall-ġrieħi serji li sofra ibnu waqt li kien qed jaħdem f’sit ta’ kostruzzjoni. Fil-Qorti, ġie spjegat li l-inċident imur lura għat-22 ta’ Mejju ta’ ħames snin ilu fi Triq Ħaż-Żebbuġ f’Ħ’Attard.

Ingħad li iben il-kuntrattur waqa’ u weġġa’ serjament tant li għamel xi żmien fil-periklu tal-mewt. Il-Pulizija u l-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol investigaw il-każ li dwaru nħatret ukoll inkjesta.

Fil-Qorti tressqu Donald Azzopardi ta’ 48 sena minn Ħal Qormi u missieru Francis ta’ 71 sena wkoll residenti Ħal Qormi. Fil-Qorti, il-Maġistrat Kevan Azzopardi sema’ lix-xhieda u mill-provi tal-istess xhieda rriżulta li ma kien hemm l-ebda lqugħ protettiv fuq il-post fejn kienu qed jaħdmu.

Il-Maġistrat Azzopardi nnota wkoll li meta seħħ il-każ, il-vittma kien għad ma kellux 18 -il sena u għalhekk instab li kien qiegħed jagħmel xogħol li ma setax jagħmel bil-liġi. Ġie nnutat ukoll li l-vittma ma kellu ebda safety harness.

Il-Qorti ma sabitx Francis Azzopardi ħati u lliberatu mill-akkużi kollha miġjuba kontrih. Dan filwaqt, li sabet lil DOanld Azzopardi ħati u kien għalhekk li ġie kkundannat sena ħabs sospiżi għal sentejn u mmultat €8,500.

Il-Maġistrat Azzopardi ordna sabiex l-ħati jħallas €1,713 fi spejjeż tal-esperti mqabbda mill-Qorti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport