Wednesday, October 9, 2024

“L-iskejjel qatt m’għandhom ikunu fil-mira… u fuq kollox, in-nies, it-tfal, qatt m’għandhom ikunu fil-mira” – Id-Deputat Prim Ministru Borg

Id-Deputat Prim Ministru Borg jindirizza laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda mal-President tal-Ukrajna Zelenskyy

Aqra wkoll

“L-infrastruttura kritika m’għandha qatt tkun fil-mira. L-isptarijiet qatt m’għandhom ikunu fil-mira. L-iskejjel qatt m’għandhom ikunu fil-mira. U fuq kollox, in-nies, it-tfal, qatt m’għandhom ikunu fil-mira.”

It-Tlieta, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, indirizza laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar il-paċi u s-sigurtà fl-Ukrajna, bil-parteċipazzjoni tal-President Ukren Volodymyr Zelenskyy.

Il-Ministru Borg din il-ġimgħa qed imexxi s-sehem ta’ Malta fid-79 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda (UNGA), fi New York. Fi stqarrija iebsa, Borg appella lir-Russja biex twaqqaf l-ostilitajiet kollha fl-Ukrajna u tirtira l-forzi tagħha mit-territorju kollu tal-Ukrajna, fi ħdan il-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tagħha.

“Il-komunità internazzjonali teħtieġ soluzzjoni dejjiema għal dan il-kunflitt. Teħtieġ paċi li tirrispetta l-fruntieri, id-drittijiet umani u l-Karta tan-Nazzjonijiet Magħquda,” hu stqarr.

Id-Deputat Prim Ministru semma l-impatti kritiċi tal-attakki fuq is-sistema tal-enerġija elettrika tal-Ukrajna, li qerdu bosta faċilitajiet ta’ ġenerazzjoni u distribuzzjoni tad-dawl.

Spjega li “l-effetti fuq il-popolazzjoni ċivili se jdumu s-snin u se jeħtieġu riżorsi sinifikanti. In-nies tal-Ukrajna se jkollhom jiffaċċjaw nuqqas tal-elettriku u limitazzjonijiet fl-enerġija biex isaħħnu djarhom matul ix-xhur kiefra tax-xitwa, u dan qed jipperikola l-ħajjiet bla bżonn.”

“Din il-gwerra qed ikollha wkoll impatt sproporzjonat fuq in-nisa u t-tfal. Ħolqot l-akbar kriżi ta’ spostament f’għexieren ta’ snin, b’aktar minn erba’ miljun persuna li kellhom iħallu djarhom u jmorru f’partijiet oħra tal-pajjiż, u sitt miljuni li qed jgħixu bħala refuġjati barra minn pajjiżhom,” żied jgħid Borg.

Il-Ministru tenna wkoll is-sejħa ta’ Malta biex jingħata aċċess umanitarju lill-ħaddiema tal-għajnuna kollha li joperaw fl-Ukrajna, u biex in-Nazzjonijiet Magħquda u l-aġenziji relatati jkunu jistgħu jaqdu dmirijiethom mingħajr xkiel. Skont l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji, 14.6 miljun Ukreni jeħtieġu l-għajnuna umanitarja.

“L-Ukrajna, bħal kull pajjiż ieħor, għandha d-dritt li tgħix fil-paċi u s-sigurtà fi ħdan il-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tagħha,” qal Borg.

Nhar it-Tlieta, id-Deputat Prim Ministru Borg ħa sehem ukoll f’summit tal-Koalizzjoni Globali biex Tindirizza t-Theddida tad-Drogi Sintetiċi, ospitat mill-President Amerikan Joe Biden. Huwa kellu wkoll laqgħat bilaterali mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Ażerbajġan, l-Eġittu u l-Indja.

Matul il-Ġimgħa ta’ Livell Għoli tan-Nazzjonijiet Magħquda ta’ din is-sena, Malta qed tipparteċipa f’aktar minn 90 avveniment u laqgħat ta’ livell għoli, kif ukoll 27 laqgħa bilaterali ma’ pajjiżi oħra u organizzazzjonijiet internazzjonali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport