Wednesday, July 24, 2024

Xi jsir mid-droga li tinqabad?

Il-Ministru Byron Camilleri jgħid li kull droga maqbuda minn kull awtorità kompetenti, tiġi dejjem meqruda fil-mument opportun

Aqra wkoll

Kull droga maqbuda minn kull awtorità kompetenti, dejjem tiġi meqruda fil-mument opportun. Qal dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri meta kien qed iwieġeb lid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo li staqsa dwar xi jsir mid-droga kollha li tinqabad.

Il-Ministru Camilleri spjega li d-droga li tkun maqbuda f’ċikostanzi fejn ma jkunx hemm persuni li jitressqu l-Qorti, bħal istanzi meta din tinstab in tranżitu f’pajjiżna u fejn l-ebda persuna ma tkun ġiet imressqa l-qorti, tiġi distrutta fil-preżenza tal-Maġistrat Inkwirenti, li min-naħa tiegħu ikun preżenti personalment jew inkella jkun hemm espert imqabbad minnu stess, sabiex isegwi il-proċess kollu tad-distruzzjoni.

B’żieda ma’ dan, kompla jgħid il-Ministru Camilleri, l-istess Maġistrat Inkwirenti jista’ jaħtar esperti forensiċi sabiex jirrekordjaw l-istess proċess li eventwalment jifforma parti mill-atti tal-inkjesta.  Intqal li d-distruzzjoni ssir permezz ta’ inċineratur.

Id-droga li tkun esebita bħala prova f’kawżi kriminali li jkunu ttieħdu kontra persuna jew persuni, tiġi distrutta meta l-istess sentenza tkun ġiet deċiża b’mod definittiv.

“F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti li tiddeċiedi s-sentenza, tordna d-distruzzjoni tal-istess droga u tkun l-istess Qorti li tiddeċiedi dwar il-mod ta’ kif issir tali distruzzjoni. Il-proċess ta’ distruzzjoni ta’ droga mhux pubbliku, u huwa kkonsidrat proċess trasparenti biżżejjed,” tenna jgħid il-Ministru Byron Camilleri.

Ekonomija

Sport